Preparamenti intensivi, eċċitament u talent bla limitu. Dawn huma l-ingredjenti ewlenin tal-produzzjoni spettakolari ‘Oliver Jr’, li se tittella’ mill-istudenti tal-Iskola Medja u Sekondarja tal-Kulleġġ t’Għawdex.
B’cast ta’ 75 student, din il-produzzjoni hi prova ċara tal-potenzjal u d-dedikazzjoni tal-istudenti f’dan il-kulleġġ.
Dan il-musical, li ġie liċenzjat minn Music Theatre International, għandu direzzjoni artistika ta’ Jamie Camilleri.
Il-pubbliku għandu l-opportunità jara din il-produzzjoni mill-aqwa fit-Teatru Oratorju Don Bosco f’Victoria, Għawdex, f’żewġ okkażjonijiet – fl-14 ta’ Marzu fis-7:30 ta’ filgħaxija u fis-16 ta’ Marzu fit-2:30 ta’ waranofsinhar.
Ma’ ONE News, id-direttur artistiku qal li dan hu avveniment li żgur ma tistax titilfu.
“Nistgħu ngħidu li hemm talent kbir minn ġewwa Għawdex, sfidi dejjem insibu, għax mhix faċli biex tgħaqqad dawk it-tfal kollha, li biċċa minnhom huma atturi stabbiliti f’Għawdex, allavolja għadhom żgħar u oħrajn ġodda li nieħdu pjaċir bihom u b’talent ġdid.”
Jamie Camilleri, Direttur Artistiku