Somma sabiħa ta’ €2700 inġabret mill-istudenti tal-iskola sekondarja Kulleġġ Santa Margerita Verdala-Bormla b’risq il-Fondazzjoni Puttinu Cares. Dawn il-flus inġabru permezz ta’ attivitajiet varji li ġew organizzati fix-xhur li għaddew.
Matul is-sena skolastika, li waslet biex tintemm, id-dipartiment tal-Home Economics flimkien mas-suġġett vokazjonali VET Hospitality organizza diversi attivitajiet fejn inġabru fondi b’risq Puttinu Cares.
Studenti tas-CCP kienu involuti f’attivitajiet bħal Pizza Day, Pasta Day u anke attivita’ fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm. Permezz ta’ dawn l-attivitajiet, l-istudenti komplew jitħarġu fis-suġġetti tagħhom u fl-istess ħin ikunu ta’ għajnuna f’inizjattiva filantropika. Kollox bl-għajnuna ta’ għalliema u LSE’s mill-istess skola.
Il-qofol intlaħaq bil-Maratona tal-Billiards li saret fl-20 ta’ Mejju fil-Kumpless The Point Tas-Sliema. Grupp ta’ studenti ħadu sehem f’turnament ta’ ġurnata ta’ logħob tal-Billiards.
Dan it-turnament intrebaħ minn Shyron Vella, madanakollu l-istudenti kollha li pparteċipaw kienu rebbieħa wkoll hekk kif qattgħu bosta siegħat mill-ħin liberu tagħhom f’attivita’ filantropika. Matul il-Maratona tal-Biliards inġabret is-somma ta’ €1800
Iċ-cheque bis-somma ta’ €2700 ġie ippreżentat lir-rappreżentant ta’ Puttinu Cares u Chairperson ta’ SportMalta, Profs. Andrew Decelis mill-istudenti tal-iskola fil-preżenza tal-Kap tal-istess skola is-Sur Joseph Ellul.