Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-iskola nazzjonali tal-isport dalgħodu indirizzata mill-Ministru għall-Edukazzjoni u Sport Clifton Grima kif ukoll il-Kap tal-iskola Robert Magro ingħataw aktar dettalji dwar kampijiet ta’ taħriġ li saru s-sena skolastika li għaddiet kif ukoll din is-sena.
Tkellmu dwar kif l-iskola qed tkun proattiva fid-dixxiplini differenti kollha li għandha fl-iskola. Dawn l-aħħar snin l-iskola ħadmet sabiex tagħmel il-kampijiet ta’ taħriġ prijorità għall-istudenti kollha li jattendu fiha. Numru ta’ studenti diġà kellhom esperjenza fil-futbol, waterpolo, badminton, karate, basketball, ġinnastika artistika u ritmika, triathlon, handball u ċikliżmu. Fil-ġimgħat li ġejjin aktar studenti mill-basketball u atletika ser ikunu qed jitħarrġu fil-Portugal filwaqt li grazzi għal ftehim li sar anke mal-INSEP fi Franza numru ta’ studenti mill-għawn u għawm artistiku ser ikunu qed jieħdu l-esperjenza hemmhekk. Intant, grupp ta’ plejers tal-futbol minn l-iskola sejrin il-Portugal kif ukoll is-Serbja. Se jkun hemm ukoll taħriġ ieħor fl-Isquash u li se jsir fi Spanja.
Tliet studenti-atleti fl-arti marzjali tal-Judo ser ikunu qed jieħdu esperjenza f’università tal-Judo fil-Ġappun. Il-Ministru għall-Edukazzjoni u Sport Clifton Grima qal kemm esperjenzi bħal dawn qed jagħmlu ġid lill-isport lokali sabiex l-esperjenzi li jieħdu barra minn xtutna jkunu esperjenzi utli li jgawdu minnhom it-timijiet nazzjonali kollha. Dawn il-kampijiet ta’ taħriġ qed isiru possibbli grazzi għall-ħidma li ssir kontinwa fl-iskola nazzjonali tal-isport.