Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta qed jieħu sehem f’inizjattiva ġdida edukattiva u kulturali fejn qed jgħaqqad klassijiet tal-iskola primarja tal-Belt ma’ dawk ta’ Rahovec fil-Kosovo permezz ta’ teknoloġija waqt konferenzi online.
L-inizjattiva, msejħa “Connecting Classrooms: Bridges of Culture and Innovation” tippermetti lit-tfal mill-Belt Valletta u dawk minn Rahovec fil-Kosovo jaqsmu u jesploraw il-kulturi, esperjenzi fil-klassi u dawk edukattivi ta’ xulxin. L-għan huwa li t-tfal jibnu dawn l-esperjenzi minn pajjiżi oħra u b’rispett reċiproku, li jippromwovi l-inklussività u d-diversità.
Is-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay, qal li din l-inizjattiva turi l-impenn tal-Kunsill biex jissaħħu l-esperjenzi kulturali u edukattivi bejn il-Belt Valletta u l-komunitajiet barra minn xtutna.

L-Ambaxxatriċi Dr. Juliana Scerri Ferrante żiedet tgħid li permezz ta’ din l-inizjattiva u t-teknoloġija, l-istudenti u l-edukaturi qed jipparteċipaw f’esperjenzi ġodda ta’ tagħlim, li jippermettu interazzjoni u kollaborazzjoni f’ħin reali, li jippromwovi tagħlim aktar profond.
Il-Kap tal-Iskola tal-Belt Valletta, li pparteċipa f’din l-inizjattiva tenna li din hija opportunità eċċezzjonali għall-istudenti biex jitgħallmu direttament minn sħabhom f’ambjent internazzjonali.
