L-Iskola Primarja tal-Mellieħa fi ħdan il-Kulleġġ Maria Regina se jorganizzaw Malta Week bejn it-8 ta’ Mejju u t-12 ta’ Mejju. Din l-attività se tkun qed tippromwovi l-wirt, il-kultura, u t-tradizzjonijiet Maltin.
Fost oħrajn, ekwipaġġ mill-Għaqda tan-Nar Marija Bambina Mellieħa, li għadhom kemm rebħu l-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar, se jagħmlu dimostrazzjonijiet ta’ kif jinħadem show tal-logħob tan-nar.
Barra minn hekk, l-istudenti se jipparteċipaw f’logħob tradizzjonali Malti, bl-assistenza ta’ residenti mid-dar tal-anzjani tal-Mellieħa, li tinsab faċċata tal-iskola.
Tul din il-ġimgħa, ir-residenti tad-dar tal-anzjani, Dar il-Madonna tal-Mellieha, se jingħaqdu mal-għalliema u studenti għal sessjonijiet ta’ qari u ta’ diskussjoni.
Dan minbarra li l-klassijiet tal-ewwel sena tal-primajra se jmorru fid-dar tal-anzjani tal-Mellieħa għall-attività tat-tisjir, u l-klassijiet fl-iskola kollha se jkunu impenjati f’sessjonijiet ta’ tisjir bl-ikel Malti.
Tul din il-ġimgħa se jsiru wkoll ħarġiet għall-istudenti.
Ritratt (xellug): www.facebook.com/Melliehaprimary/photos