Grupp ta’ studenti jistgħu litteralment jgħidu li kienu ‘fl-ispazju’ waqt it-tagħlim tagħhom.
Dan hekk kif nhar l-Erbgħa li ġej, il-Kulleġġ Stella Maris flimkien mal-Malta Amateur Radio League, se jipparteċipaw f’avveniment uniku: l-istudenti se jagħmlu kuntatt dirett bir-radju mal-Istazzjon Spazjali Internazzjonali u l-astronawti li jgħixu hemmhekk.
Wieħed mill-astronawti abbord se jqatta’ 10 minuti juża link tar-radju live biex iwieġeb mistoqsijiet relatati mal-esperjenza tal-ħajja fl-ispazju. Il-mistoqsijiet se jsiru minn numru ta’ studenti fis-sala tal-Kulleġġ Stella Maris, il-Gżira.
F’dan l-avveniment uniku qed jipparteċipaw studenti minn erba’ skejjel tal-knisja: il-Kulleġġ Stella Maris, il-Kulleġġ De La Salle, l-Iskola Sekondarja San Franġisk u l-Kulleġġ tal-Qalb ta’ Ġesu.
Matul l-aħħar xhur, dawn l-iskejjel ilhom jaħdmu biex jintegraw it-tema tal-ispazju fix-xenarju tal-iskola rispettiv tagħhom, mhux biss f’attivitajiet extra-kurrikulari, bħal taħditiet u klabbs, iżda wkoll permezz tal-kurrikulu innifsu.
Għal din l-attività se jattendi Clifton Grima, Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni.