Grupp ta’ studenti mill-iskola sekondarja ta’ Ħad-Dingli u dik tar-Rabat tal-Kulleġġ San Nikola ħarġu bl-unuri hekk kif ikklassifikaw fost l-aqwa erba’ timijiet fil-proġett Climate Detectives organizzat mill-Aġenzija Spazjali Ewropea.
F’dan il-proġett ħadu sehem iktar minn erba’ mija u ħamsin student minn madwar l-Ewropa kollha.
It-tim Malti investiga kif it-tibdil fil-klima, primarjament it-tibdil fl-ammont ta’ xita u t-temperatura, qed jaffettwa l-ammont ta’ ilma li jgħadddi minn Wied il-Qlejgħa, dak magħruf bħala Chadwick Lakes.
L-istudenti tad-disa’ sena tal-ġografija fl-iskola sekondarja ta’ Ħad- Dingli bdew billi janalizzaw informazzjoni kwantitattiva dwar tibdil fit-temperatura u fl-ammont ta’ xita li niżlet fuq il-gżejjer Maltin matul dawn l-aħħar ħamsin sena. Fost dawk li analizzaw it-tibdil fil-klima kien hemm Tenisha Abela li qattgħet ħafna mill-ħin liberu tagħha flimkien ma’ sħabha ġewwa dan il-Wied.
“Sibna li l-ilma naqas min l-elf disa mija tlieta u għoxrin l’hawn u dan Frar li għadha kien l-iktar xott fost dawn il-ħamsin sena li għaddew.”
Saru wkoll osservazzjonijiet dwar l-ammont ta’ ilma li jgħaddi minn Wied il-Qlejgħa permezz ta’ ritratti mis-satelliti provduti mill-aġenzija spazjali.
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Ġografija Moira Buttigieg saħqet li l-istudenti ndagaw bir-reqqa fuq il-post.
“Għamlu intervisti ma’ bdiewa illi għandhom l-għelieqi fl-inħawi biex jistaqsuhom ukoll dwar l-ammont ta’ ilma fil-wied, jaraw matul iż-żmien kienx hemm tibdil fih.”
L-għalliema Judith Smith flimkien mal-għalliema Moira Buttigieg kienet kuntenta għal kisba li għamlu l-istudenti. Huma saħqu li dan juri li l-ġenerazzjonijiet futuri huma konxji dwar l-ambjent u jifhmu l-importanza tal-ħarsien tiegħu.
“Kburija ħafna bihom, dan ilna naħdmu għalihom. Aħna bħala skola inġenerali naħdmu ħafna biex inaqsu l-impatt fuq l-ambjent inġenerali.”
L-istudenti li ħadu sehem f’dan il-proġett innutaw li ħafna nies ma irrealizzawx li tibdil żgħir fl-istil ta’ ħajja tagħhom jista’ jnaqqas it-tibdil fil-klima.
Karl Joseph Borg ħadem flimkien ma’ sħabu biex titqajjem aktar kuxejnza dwar dan billi tħawlu diversi siġar indiġeni madwar l-iskola u ħadmu biex inaqqsu l-ħela tal-elettriku.
“Naraw jekk ikun hemm il-projects mixgħulin, l-airconditions mixgħulin, biex niħdu nota ta minn qed jitfi l-affarjiet.”
Intant dawn iż-żgħażagħ flimkien mal-għalliema tagħhom intalqgħu mal-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici fejn ferħilhom għall-proġett tagħhom.