Tliet student Maltini tat-teknoloġija u l-informatika se jipparteċipaw fl-ewwel sfida globali, l-Olimpjadi Internazzjonali tar-Robotika. L-avveniment se jsir bejn is-16 u t-18 ta’ Lulju f’Washington DC.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri u l-Ambaxxatriċi Amerikana għal Malta Gill Kathleen Hill iltaqgħu mal-istudenti Patrick Brejża, Andrea Abela u Clive Tonna. Dawn huma studenti tal-MCAST.Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri awgura l-akbar suċċess f’ din il-kompetizzjoni internazzjonali.
“Hija opportunita’ eċċellenti fejn għandkom iċ-ċans li tirrappreżentaw lil pajjiżkom u fl-istess waqt tigwadanjaw esperjenza tajba f’settur li intom tixtiequ tibnu l-karriera tagħkom. Il-Gvern Malti huwa kommess li jkompli jinvesti biex jiżdiedu l-opportunitajiet fl-ekonomija diġitali u l-innovazzjoni”, qal Silvio Schembri.
F’isem il-Gvern Malti irringrazzja lill-Gvern Amerikan u lill-ambaxxata Amerikana f’ Malta, li qed jappoġġjaw lill-istudenti Maltin billi jkopru l-ispejjeż kollha għal din l-esperjenza barra minn xtutna.