Studenti li qed jistudjaw fir-raba’ sena tal-kors tal-mediċina se jkollhom l-opportunità li jservu f’dak li huwa magħruf bħala l-isptar tal-Vatikan, l-Ospedale Pediatrico Bambino Gesù – wieħed mill-aqwa sptarijiet pedjatriċi.
Dan se jkun possibbli permezz ta’ ftehim li se jiġi ffirmat fil-jiem li ġejjin, li se jkompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali bejn il-Gvern Malti u s-Santa Sede.
Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa li kellu fil-Berġa ta’ Kastilja mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin, li matulha l-Prim Ministru ħabbar ukoll li l-Gvern Malti se jkun qed jagħti b’donazzjoni lill-klinika tal-fqar Ambulatorio Madre Della Misericordia imwaqqfa mill-Papa Franġisku, pneumatonometer, li huwa apparat mediku speċjalizzat.
Matul din il-laqgħa, ġiet diskussa wkoll ir-relazzjoni b’saħħitha bejn iż-żewġ Stati, fejn il-Prim Ministru osserva li t-tnejn iħaddnu valuri soċjali u jaħdmu favur il-ġustizzja soċjali.
Fost oħrajn, il-Gvern Malti qed iwettaq ħidma kontinwa biex jindirizza sfidi ekonomiċi marbuta mal-inflazzjoni u l-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil, biex jipproteġi u joffri stabbiltá lill-familji u lin-negozji.
Dan fi sfond tal-importanza li l-Gvern qiegħed joffri servizz tas-saħħa, servizz ta’ childcare, trasport pubbliku u edukazzjoni mingħajr ħlas.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega ukoll li qed jittieħdu l-passi meħtieġa biex tiġi assigurata ekonomija sostenibbli.
Il-gwerra fl-Ukrajna, is-sitwazzjoni fis-Sudan u fil-Libja u l-migrazzjoni fil-mediterran kienu ukoll fuq l-aġenda.
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura Owen Bonnici, l-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Sante Sede, Frank Zammit u mill-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.