Tnax –il miljun tifel u tifla Franċiża rritornaw lura fuq il-bankijiet tal-iskola b’miżuri ġodda ta’ sigurtà jsegwu l-attakki terroristiċi li seħħew fil-pajjiż.
L-istudenti se jiġu mgħallma kif jistaħbew, jaħarbu u jgħinu lil xulxin f’każ t’attakk, u kif ukoll ser ikun hemm tliet simulazzjonijiet t’attakki f’kull skola kull sena. Dan bil-għan li l-istudenti jkunu preparati biżżejjed f’każ ta’ kull eventwalità. Id-daħla tal-binjiet tal-iskejjel ukoll se jaraw żieda fil-preżenza tas-sigurtà.
Franza ilha taħt allert, u fi stat t’emerġenza, minn meta Militanti tal-Istat Iżlamiku ħasdu lill-kapitali Franċiża b’attakk terroristiku lura f’Novembru tal-elfejn u ħmistax – liema attakk kien ħalla mejta xejn inqas minn mija u tletin persuna. Attakki oħra segwew u ħasdu diversi ħajjiet, fosthom għexieren f’Nizza, u qassis li nqatel waqt Quddiesa f’Rouen.