- L-istudenti li jieħdu gost jaqraw imorru aħjar fl-iskola minn dawk li ma jaqrawx
- L-istudenti li ma jaqrawx fis-Sajf jitilfu l-benefiċċji ta’ madwar xahrejn tagħlim li jkunu ħadu mill-iskola
- L-istudenti li tul is-snin tal-edukazzjoni primarja tagħhom ma jmissux ktieb bi jdejhom fis-sajf sal-aħħar tal-Primarja jaqgħu lura b’sentejn fiż-żamma ta’ dak li jkunu tgħallmu meta mqabbla ma’ studenti li jaqraw
Dawn huma uħud mill-punti li ħarġu minn riċerka li saret dwar it-tfal u l-Qari. Liema riċerka saret referenza għaliha fit-tnedija tat-tielet edizzjoni tal-kampanja Aqra fis-Sajf.
Kampanja li qed issir bi sħab bejn l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, l-entità libreriji Maltin, il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, it-Taqsima tal-Għotjiet ta’ Manteniment lill-istudenti u d-Direttorati tal-Edukazzjoni tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Biex għal darb’oħra l-kampanja tkun suċċess, it-tfal se jkollhom aċċess għall-kotba u se jkunu jistgħu jgawdu minn dawn l-inizjattivi:
- Kull ġimgħa numru ta’ libreriji pubbliċi u ċentri ta’ Skola Sajf immexxija mill-Fondazzjoni għal Servizzi edukattivi, animaturi mħarrġa mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu se jaqraw lit-tfal stejjer bil-Malti u bl-Ingliż
- L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu se tkompli għaddejja bil-programmi ta’ qari għall-gost ‘Aqra Miegħi u Seħer l-istejjer f’numru ta’ lokalitajiet Maltin u Għawdxin
- F’22 lokalità se jiġi organizzat il-programm Klabb Naħla fis-Sajf għal tfal tal-ewwel, it-tieni u t-tielet sena tal-iskejjel primarji tal-istat
- F’ħames lokalitajiet fejn isir il-programm Nwar tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, t-tfal li jeħtieġu l-għajnuna fil-qari, issieħbu fi Klabbsajf u jsegwu programm ta’ qari ggwidat
- Numru ta’ skejjel primarji, medji u sekondarji se jiftħu l-librerija tal-iskola tagħhom għall-istudenti li jattendu l-istess skejjel darba jew darbtejn fil-ġimgħa. Se jkunu miftuħin darbtejn fil-ġimgħa ċ-Ċentri tar-Riżorsi tal-Litteriżmu tal-Ħamrun u ta’ Sannat Għawdex
- L-entità Libreriji Maltin żiedet il-ġranet u l-ħinijiet tal-ftuħ tal-libreriji pubbliċi li tamministra f’24 lokalità
- Se jiġu organizzati attivitajiet tal-programm Bil-Qari u l-Kitba niskorja għall-istudenti ta’ Skolasajf fil-grawnd il-ġdid li rranġa l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, il-Ħamrun
- Ambaxxaturi tal-Qari se jkunu qegħdin iżuru ċentri ta’ Skolasajf u jaqraw l-istejjer lit-tfal
- Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, qed iħeġġeġ lit-tfal biex jieħdu sehem fil-kompetizzjoni Kemm Qrajt fis-Sajf, sfida biex it-tfal jaqraw minn tal-inqas ħames kotba matul is-sajf. Minn fost it-tfal li jkunu qraw ħames kotba se jittellgħu bix-xorti għadd minnhom u dawn jingħataw għotja ta’ kotba jew vouchers li jissarrfu f’kotba.