L-iskola primarja tar-Rabat, fi ħdan il-kulleġġ San Nikola, organizzat ġurnata speċjali b’numru ta’ attivitajiet li l-għan prinċipali tagħhom kien li jwasslu l-messaġġ dwar l-importanza tal-konservazzjoni tal-ilma.
L-istudenti kollha li jattendu dan il-kulleġġ ħadu sehem f’għadd ta’ attivitajiet differenti li wasslu dan il-messaġġ mhux biss lill-istudenti u l-familji tagħhom, iżda anke lill-komunità Rabtija kollha kemm hi.
L-istudenti tal-kindergarten kellhom attivitajiet sportivi fil-bitħa tal-iskola, organizzati mill-għalliema tal-eżerċizzju fiżiku, b’kollaborazzjoni ma’ Sport Malta, li permezz tagħhom it-tfal kienu attivi fiżikament waqt li tgħallmu aktar dwar l-użu tal-ilma.
It-tfal tal-ewwel sena tal-primarja daru dawra mar-Rabat permezz tal-Malta Fun Train u magħhom ħadu strixxun magħmul minnhom stess b’messaġġ favur il-konservazzjoni tal-ilma.
Anki l-istudenti tat-tieni, il-ħames, u s-sitt sena mxew mill-iskola sal-foss tal-Imdina b’messaġġi dwar il-konservazzjoni tal-ilma magħmulin minnhom stess. Kellhom strixxun u powsters b’suġġerimenti prattiċi dwar kif għandna nnaqqsu l-konsum tal-ilma.
Wara kellhom sessjoni ta’ qari fil-miftuħ. Il-kotba relatati mat-tema tal-ġurnata ngħataw mill-Kunsill Lokali tar-Rabat, mill-aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, kif ukoll mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.
L-istidenti tat-tielet u r-raba’ sena kellhom dawra mat-Tramuntana ta’ Malta b’waqfiet f’lokalitajiet differenti b’konnessjoni mal-ilma, fosthom l-Għajn tal-Ħasselin fir-Rabat u l-banjijiet Rumani f’Għajn Tuffieħa. F’kull waqfa kellhom jirrispondu mistoqsijiet dwar l-ilma u l-konservazzjoni tiegħu.
Din l-attività kienet kollha kemm hi sponsorjata mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma bil-fondi tal-LIFE.
L-organizzazzjoni ta’ din l-attivita’ kienet fi jdejn il-Kap tal-Iskola, Dorita Maniscalco flimkien mal-Assistenti Kapijiet tagħha u l-kumplament tal-istaff tal-iskola primarja tar-Rabat.
Qalet, “Aħna qed nipparteċipaw f’dan il-proġett sabiex inkunu ngħidu lit-tfal biex nikkonservaw l-ilma u mhux biex naħluh. Fid-dinja għandna problema kbira tal-ilma u t-tfal minn ta’ età żgħira tajjeb li jkunu jafu li għandna nibżgħu għall-ilma.”