Min qatt kienet tiġih f’rasu li n-numri tal-każijiet tal-Covid-19 f’pajjiżna tul l-aħħar xhur setgħu jintużaw biex joħolqu biċċa arti? Din hija waħda mix-xogħlijiet esebiti fil-Festival tal-Istitut għall-Arti Kreattiva tal-MCAST.
F’dan il-festival, numru ta’ studenti li għadhom kif iggradwaw f’oqsma artistiċi, għandhom ċans jesebixxu xogħolhom sal-25 ta’ Lulju.
Għall-ħames edizzjoni ta’ dan il-festival ġiet addottata t-tema ‘Diversify’ bil-festival jkun immirat biex juri d-diversità fl-istitut stess bejn id-dixxiplini artistiċi differenti.
ONE News tkellem ma’ Shanice Farrugia li gradwat b’baċellerat fil-fine arts. B’waħda mix-xogħlijiet tagħha fl-isfond hija spjegat kif din hija opportunità tajba biex tara kif ser jintlaqa’ x-xogħol tagħha mill-pubbliku.
Hija fissret: “Jiena rajt ir-relazzjoni ta’ bejn l-artist, l-artwork u l-viewer u kif dawn kapaċi jingħaqdu sabiex imbagħad jintwera lill-pubbliku, u għalhekk hawnhekk pruvajt nesplora anke l-identità tiegħi bħala artista u l-identità tiegħi mal-art market, kif nista nesebixxi ruħi għall-pubbliku.
Gradwat ieħor fl-ispatial design qalilna kif din hija opportunità li tista’ twassal għal opportunitajiet ta’ impjieg.
Charles Moore qalilna, “L-ewwel nett jiġu l-pubbliku jarawh u jiġu wkoll potential employers, li jista’ jiġifieri ituna opportunità wara li tlesti d-degree course u tkun tista’ ssib job, għax eventually għalhekk tkun qed tistudja wara tliet snin biex imbgħad tmur taħdem fl-industrija. “
Id-Direttur tal-Istitut għall-Arti Kreattiva tal-MCAST, Martina Caruana kkonfermat kif għal bosta studenti din tista’ tkun l-ewwel pass lejn opportunità tajba fid-dinja tax-xogħol. Dan filwaqt li l-artisti jitgħallmu iżjed iwasslu x-xogħol tagħhom lill-pubbliku.
Hija stqarret magħna: “Il-festival huwa maħluq biex l-istudent ikollu l-opportunità biex mhux biss jesebixxi iżda anke jinteraġixxi mal-membri tal-industrija. Fil-fatt waqt il-festival ikun hemm attivitajiet li jinvolvu stakeholders fl-industrija fejn l-istudent ikun jista’ jiddiskuti x-xogħol tiegħu.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana u l-Ministru għall-Arti José Herrera żaru dan il-festival fi Spazju Kreattiv u kellhom l-opportunità jitkellmu mal-istudenti dwar il-proġetti li qed jesebixxu.