L-istudenti li allegaw li fl-iskola sekondarja tal-Ħamrun kienu ffastidjati minn għalliem intalbu jagħtu l-verżjoni tagħhom bil-ġurament bħala parti mill-inkjesta. Kien f’Novembru li qam dan il-każ li ddomina l-midja f’pajjiżna u li spiċċa investigat mill-pulizija.
Dan il-każ hu meqjus bħala wieħed kumpless minħabba l-verżjonijiet differenti li ngħataw, iżda imkejjen viċin l-investigazzjoni spjegaw kif it-tfajliet tkellmu ma’ psikologi li tqabbdu biex jassistu lill-pulizija. It-tfajliet allegat abbuż minn għalliem u tliet studenti subien u tagħrif li għandna jgħid li t-tfajliet kienu konsistenti fil-verżjonijiet li taw. Kien wara li tlesta da nil-proċess li ntalbu jagħtu xhieda ġuramentata.
B’rabta ma’ dan il-każ, s’issa ma tressaq ħadd il-Qorti, anke għax il-pulizija ħadet it-tgħalimiet minn każi oħra u qed tkun iktar kawta u meqjusa f’kull pass li tgħamel. Però, l-imkejjen tagħna sostnew li issa li ngħatat ix-xhieda ġuramentata, l-investigazzjoni daħlet f’fażi oħra.
F’dan il-każ qed isiru akkużi serji li jinvolvu vittmi minorenni, li jridu jkunu mħarsa. L-allegazzjoni li f’dan l-abbuż sesswali kien hemm tfal li ukoll setgħu kienu kompliċi jew saħansitra wettqu l-abbuż, jkompli jagħmel il-każ wieħed aktar delikat. Kien il-kuraġġ ta’ wieħed mit-tfajliet li wassal biex aktar tfajliet jitkellmu dwar l-allegat abbuż.
Dwar dan il-każ il-Ministeru tal-Edukazzjoni kien infurmat dwar dak li seħħ fi skola tal-Istat. Il-Ministeru fi stqarrija serraħ ras il-pubbliku li ttieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiġu ssalvagwardjati l-interessi tal-partijiet u li kienet inħatret inkjesta maġisterjali.
It-tifla allegat li ma kienx l-ewwel darba li l-għalliem kien abbużiv u kellem lill-istudenti b’mod pastaż u doppju sens. Saħansitra irrapportat li l-għalliem kien iħeġġeġ lill-istudenti subien biex jagħmlu bħalu. Ma kienx faċli li omm l-ewwel vittma tirraporta l-każ.
Fittxet l-għajnuna tal-Ispettur Sandro Camilleri li rrefferiha għall-għassa tal-Ħamrun. Iżda hemm qalulha li biex isir rapport ta’ stupru kellha tipprovdi provi li t-tbenġil fuq ġisem binta kien ikkawżat mill-allegat abbuż. Għalhekk l-omm fittxet l-għajnuna tal-amministrazzjoni tal-iskola, li bdew jipprovaw imewtu l-każ biex ma tinġibidx għajn il-midja.
Fil-ħin li l-omm kienet għadha fl-uffiċju tal-Prinċipal, il-mara rrakkuntat li għadda l-istess għalliem u mhux konxju li hu kien is-suġġett tad-diskussjoni għemeż lit-tifla fil-preżenza t’ommha.