Fl-elezzjoni tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) il-ġimgħa d-dieħla il-votazzjoni se ssir b’mod onlajn. Dan wara li waqt il-laqgħa ġenerali annwali li saret illum ġie deċiż li s-sistema ta’ votazzjoni preżenti tinbidel. Kienu żewġ studenti universitarji li ressqu mozzjoni li fiha kienet tinkludi numru ta’ emendi fl-istatut tal-KSU li jwasslu għal dan l-għan.
Dawn l-istudenti, Nathaniel Falzon u Dario Cacopardo, ipproponew li l-elezzjoni tal-KSU, għandha ssir b’votazzjoni onlajn permezz ta’ sistema li ntużat f’diversi universitaijiet madwar id-dinja. Din is-sistema, bl-isem ta’ Election Buddy, hija sistema elettronika offruta minn kumpanija Kanadiża, u hi magħrufa għall-indipendenza, imparzjalità u integrità tagħha. Skont l-istudenti li ressqu dawn l-emendi, din is-sistema ser twassal biex l-ammont ta’ studenti li jivvutaw jiżdied b’mod sostanzjali. Elenkaw li bis-sistema preżenti, studenti li ma jkollomx lezzjonijiet matul il-ġurnata tal-elezzjoni, ma jitilgħux lejn l-Universita’ biex jivvutaw. Ikkwotaw statistika tal-aħħar elezzjoni tal-KSU li kienu 28% biss tal-istudenti li vvutaw, figura li tinkludi wkoll studenti tal-Junior College.
Iż-żewġ studenti qalu li huma diġa ddiskutew il-proposta mas-Senat u mal-Uffiċju tar-Reġistrar tal-Universita. “Kemm jien kif ukoll il-kollega tiegħi Dario ilna naħdmu fuq din il-proposta u wara diversi laqgħat fi ħdan l-Universita’ stess għandna garanzija li din hi xi ħaga possibli u li tista ssir kif wkoll li jkun assigurat li l-elezzjoni tkun wahda sigura u awtonoma”, stqarr is-Sur Falzon. Qalilna wkoll kif fl-Universita’ diġa tintuża sistema onlajn għall-votazzjonijiet għar-rappreżentanti tal-istudenti fid-diversi fakultajiet u fis-Senat.
Intant waqt il-laqgħa, ġew preżentati numru ta’ kontro-emendi bil-għan li jiġu ndirizzati diversi punti ta’ tħassib rigward il-mozzjoni li tqajmu matul il-laqgħa. Il-mozzjoni emendata għaddiet wara li ġiet preżentata mill-President tal-KSU Robert Napier.