Studenti minn skejjel differenti ltaqgħu mal-Ministru Miriam Dalli u mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex jiddiskutu l-proposti tagħhom għall-futur tal-ambjent f’Malta.
Tfal mill-iskola San Andrea, il-Kulleġġ De La Salle, il-Kulleġġ San Benedittu u l-Kulleġġ San Nikola żaru l-Park tal-Majjistral, u wara mixja fil-kampanja poġġew bilqiegħda mal-Ministru Miriam Dalli u l-uffiċjali ta’ ERA biex jippreżentaw l-ideat tagħhom dwar l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ambjent 2050 (NSE).
ERA ppubblikat din l-istrateġija għall-konsultazzjoni pubblika fis-sajf li għadda u bħalissa qed tirrevedi s-sottomissjonijiet li rċeviet mill-pubbliku, qabel ma tippreżenta d-dokument finali għall-approvazzjoni tal-Parlament.
Il-proposti ppreżentati lil ERA minn dawn l-istudenti se jiżdiedu mas-sottomissjonijiet li saru fl-aħħar xhur, fosthom dawk ta’ studenti oħrajn li qed jipparteċipaw fil-programm ta’ Ekoskola.
Nadia Suda Lanzon, li tmexxi t-tim li jiżviluppa l-NSE, enfasizzat l-importanza li nisimgħu liż-żgħażagħ. L-NSE hija mibnija fuq tmien objettivi ewlenin, li huma immirati lejn l-isfidi u l-opportunitajiet ambjentali ta’ pajjiżna tal-lum u tal-futur – arja nadifa, bijodiversità b’saħħitha, inqas skart, ibħra nodfa, aktar użu sostenibbli tar-riżorsi, kif ukoll ir-riżorsi u r-rieda meħtieġa biex inwettqu l-bidliet ambjentali.