Il-qwiel, l-idjomi, u l-lingwa Maltija kienu t-tema prinċipali ta’ attività li saret għall-istudenti tal-Iskola Medja ta’ San Ġorġ Preca fil-Blata l-Bajda.
Għexieren ta’ studenti nġabru fit-teatru Grieg tal-iskola sabiex, permezz ta’ diversi attivitajiet, isiru aktar familjari ma’ dak li taf toffri l-lingwa unika tagħna.
Permezz tal-grupp mużikali ‘Kantera’, li l-mużika tiegħu tressaq il-ġeneru folk tradizzjonali Malti qrib dak modern, l-istudenti setgħu jisimgħu kanzunetti bil-Malti li huma mżewqa b’idjomi u qwiel Maltin.
Fost dawn insibu ’L-ixkubetta fiha l-Grillu’, ‘Ħalli Rasek fejn Issibha’, ‘Tkun ’l Hawn Għaddi, il-Bieb Miftuħ’, ‘Il-Ftira Sħuna Tajba’, ‘Skont iz-Zokk il-Fergħa’, ‘Qis Mitt Darba u Aqta’ Darba’, u ‘Fin-Niżla Kull Qaddis Jgħinek’.
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca, Stephanie Apap, spjegat l-importanza li, fost il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, innisslu l-imħabba għal-lingwa Maltija.
Qalet, “Din is-sena użajna l-kanzunetta ‘L-Ewwel Jien’ tal-grupp Kantera, li għandha ħafna qwiel u idjomi Maltin li sfortunatament ma tantx huma popolari mat-tfal u aħna rajn kif nistgħu nagħtuhom il-ħajja bl-aktar mod kreattiv.”
Tkellimna wkoll ma’ student u għalliema tal-Malti li qqasmu magħna ħsibijiethom dwar din l-esperjenza.
L-istudenti tal-iskola medja tgħallmu wkoll dwar strumenti mużikali tradizzjonali Maltin li ma tantx għadhom jintużaw, bħaż-żafżafa, it-tanbur, u l-argunett.