Eluf ta’ żgħażagħ ta’ bejn l-14 u l-20 sena bdew jivvjaġġaw fuq il-karozzi tal-linja mingħajr ma jħallsu tan-noll. Minn din is-sena wkoll, l-iskema twessgħet għal dawk li gndhom aktar minn 20 sena u li qed jistudjaw full-time. Din il-miżura qed issir b’investiment ta’ €3.3 miljun.
Crew ta’ one news tkellem ma’ bosta studenti li jattendu l-Junior College li kollha kemm huma qalulna li jagħmlu użu mis-servizz tal-karozzi tal-linja. Huma espremew is-sodisfazzjon tagħhom dwar il-miżura mħabbra fil-baġit għax permezz tagħha ħafna qed jiffrankaw parti sostanzjali mill-istipendju li qabel riedu jonfquh biex jivvjaġġaw.
Żgħażagħ oħra qalu li din il-miżura qed isibuha tajba għax jużaw tal-linja kuljum. Qalu li permezz tagħha qed jiffrankaw medja ta’ €30 fil-ġimgħa.
Oħrajn qalu kif din il-miżuri qed tinkuraġihom biex ikomplu jużaw dan il-mezz ta’ transport.
Studenti oħrajn qalu li din l-iskema qed tħalli aktar flus fil-but tal-familji Maltin u Għawdxin u qed tgħin aktar lill-istudenti biex ibiddlu l-kultura tal-mod kif il-Maltin jivvjaġġaw f’pajjiżna.
Fl-aħħar jiem il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg sostna li din l-iskema qed tiffrankaw lill-ġenituri milli jużaw il-vettura privata tagħhom, speċjalment f’ħinijiet fejn it-toroq tagħna jkollhom volum ta’ karozzi.