Ir-rebbieħa tal-programm Young Parliamentarians, iltaqgħu mal-Ispeaker Anġlu Farrugia bħala parti mill-premjazzjoni għall-parteċipazzjoni tagħhom f’din l-inizjattiva.
Il-programm, organizzat minn Aġenzija Żgħażagħ ta opportunità lill-istudenti li jattendu fi skejjel sekondarji biex jiddibattu diversi suġġetti u temi.
L-istudenti ngħataw taħriġ minn professjonisti bħal social workers dwar ħiliet fit-taħdit fil-pubbliku u għarfien dwar il-parteċipazzjoni attiva f’demokrazija.
Il-kompetizzjoni, #ejjewniddibattu rat total ta’ tnax-il skola li kienu rrappreżentati minn gruppi ta’ studenti.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Teuma saħqet kif l-għan tal-aġenzija huwa li timplimenta l-politika nazzjonali għaż-żgħażagħ u tagħti l-ħiliet meħtieġa liż-żgħażagħ biex ikunu ċittadini attivi. Temmet tgħid kif dan il-programm imur id f’id mal-miżura tal-budget intiża biex tħarreġ liż-żgħażagħ jiddiskutu u jkunu ħassieba denji fis-soċjetà.
Fl-intervent tiegħu l-Ispeaker Anġlu Farrugia saħaq dwar il-frott li inizjattivi bħal dawn iħallu. Irrimarka kemm sar progress fil-mitt sena li l-parlament Malti ilu mwaqqaf, hekk kif din is-sena, l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż qiegħda tiċċelebra dan l-anniversarju tant importanti.
Huwa ħeġġeġ lill-parteċipanti biex ikomplu jirfinaw it-talenti u l-ħiliet tagħhom u biex jużawhom dejjem għal ġid komuni tas-soċjetà, billi jħaddnu politika li tkun waħda altruista.
Intant, parteċipanta fil-programm, Ruslana Barbara, tenniet kif hi u sħabha kisbu esperjenza li mhuma se jinsewha qatt.
“Dan il-premju għalina jfisser ħafna għaliex aħna ħdimna qatigħ. Kellna suġġetti li niddiskutu u ddibattejna, tgħallimna ħafna grazzi għas social workers.”
L-iskola rebbieħa f’din l-inizjattiva kienet l-iskola sekondarja ta’ Santa Luċija li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Tumas More fejn rebħet €750 bil-għan li dawn il-flus jkunu ta’ ġid għall-istudenti. Intant l-iskola sekondarja tal-Kulleġġ Santa Klara ġiet fit-tieni post.