“Dawn il-faċilitajiet se jwasslu għal aktar esperjenza għal fuq il-post tax-xogħol.”
Kien dan is-sentiment ta’ diversi studenti, b’rabta ma’ laboratorji ġodda tal-Inġinerija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fi ħdan l-Università ta’ Malta b’investiment ta’ €22 miljun, li ġew inawgurati mill-Prim Ministru Robert Abela.
Din il-binja hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha, u hi ddedikata għar-riċerka minn studenti li jkunu qed jistudjaw f’korsijiet PHDs u post-grad.
Il-bini qed jospita laboratorji state of the art li se jiffaċilitaw xogħol ta’ riċerka relatat mal-inġinerija tal-manifattura.
Rebecca Clark, studenta għad-Dottorat fl-Inġinerija, stqarret li dan l-investiment ħa joħloq komunità bejn l-istudenti.
Qalet, “Binja bħal din hija għajnuna kbira. Qegħdin l-istudenti kollha magħqudin flimkien, u d-Dipartimenti tal-Inġinerija kollha, u toħloq kemm komunità tajba bejn l-istudenti u kif ukoll għaliex issa qegħdin qrib tal-makkinarju li għandna bżonn.”
Hija tkellmet dwar kif dawn il-faċilitajiet se jgħinuha sabiex taddatta fuq il-post tax-xogħol tagħha.
Qalet, “Din il-faċilità hija pjuttost tajba, anke x’ħin niġi biex infittex xogħlijiet, ittini standard li biha nista’ ngħid, dan it-tip ta’ xogħol għandu faċilitajiet tajbin u naf kif għandi naħdem bihom.”
Federico Cilia, student għad-Dottorat fil-Fiżika u l-Inġinerija, qal kif permezz ta’ dan l-investiment, l-istudenti se jingħataw diversi opportunitajiet fuq livell internazzjonali.
Qal, “Għandek apparat ġdid, li qed iwassal għal riċerka aktar ta’ kwalità, u tkun tista’ tesponi xogħlok, anke barra minn Malta, iktar faċli tagħmel kollaborazzjonijiet ma’ universitajiet ġodda u dik tgħinek tiftaħ aktar ir-riċerka tiegħek.”
Huwa żied jgħid li r-riċerka li jagħmlu dawn l-istudenti, eventwalment tissarraf f’passi ’l quddiem fl-industrija.
Qal, “Iżżid ir-riċerka li tista’ toħloq l-Università, u apparti hekk għandek ħafna studenti, li qed jagħmlu riċerka differenti, u dawk eventwalment se jmorru fl-industrija.”