Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri żar l-Akkademja tal-PwC fejn studenti mill-iskola primarja ta’ Ħal Luqa esperjenzaw mill-qrib kif jaħdem il-coding – lingwa fid-dinja diġitali.
Silvio Schembri spjega lill-istudenti li l-coding qed isir lingwa globali u l-familjarizzazzjoni mal-coding hi l-ewwel pass biex wieħed joqrob aktar lejn id-dinja diġitali. “Malta hi fil-quċċata tal-lista minn fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fejn għandha x’taqsam il-ġimgħa li l-Ewropa tiddedika għall-coding”, qal is-Segretarju Parlamentari. Dan il-fattur hu minħabba l-ammont kbir ta’ attivitajiet organizzati matul din il-ġimgħa, b’attivitajiet immirati lejn il-kuxjenza dwar il-bżonn li s-soċjetà kollha tkun taf kif jaħdem il-coding. Silvio Schembri spjega li għaddejjin diskussjonijiet bejn l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni u l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol bil-għan li l-coding ikun parti mill-kurrikulum edukattiv. “Il-messaġġ tagħna hu sempliċi: kulħadd jista’ jiprogramma”, qal Silvio Schembri.
Is-Segretarju Parlamentari osserva mill-qrib x’kienu qed jagħmlu l-istudenti u l-eżerċizzji li ngħataw, u tahom sfida – li jagħmlu s-salib li jidher fuq l-arma ta’ Ħal Luqa, liema sfida t-tfal laqgħu b’entużjażmu.
Intant, fil-ġimgħa Ewropea ddedikata għall-coding, l-Akkademja tal-PwC, b’kollaborazzjoni ma’ Creolabs u mal-Fondazzjoni eSkills, inbidlet f’ċentru għall-kreattività u għall-coding. L-istudenti esperjenzaw is-saħħa tal-coding u tgħallmu jkunu innovattivi bl-użu tat-teknoloġija. Iffamiljarizzaw mal-coding permezz ta’ sessjonijiet prattiċi bl-użu ta’ Scratch, Be-Bots, Pro-Bots and BBS: Microbots u b’hekk kienu esposti għall-ħsieb kreattiv u għall-futur tal-coding. Fil-workshops li saru l-istudenti ħadmu fi gruppi, li serviet ta’ opportunità biex jaqsmu aħjar il-ħsibijiet u l-ideat tagħhom.
Wara ż-żjara saret laqgħa ma’ parti mill-amministrazzjoni tal-PwC li għaliha kien hemm audit partner Joseph Camilleri, advisory partner għal servizzi marbuta mat-teknoloġija George Sammut, human capital partner Lisa Pullicino, u l-koordinatur eżekuttiv għall-Fondazzjoni eSkills Carm Cachia.