Studenti mill-Iskola Primarja tal-Imsida, għall-ewwel darba, refgħu vari tal-Ġimgħa l-Kbira waqt purċissjoni li saret mat-toroq tal-lokalità
L-istudenti mill-Kulleġġ Santa Tereża, refgħu l-vari żgħar mill-Kappella tal-Kunċizzjoni f’purċissjoni qasira sakemm waslu għall-bini amministrattiv tal-Kunsill Lokali.
Din kienet ħolma għal bosta studenti li fl-aħħar saret realtà. Is-Sindku tal-Imsida, Margaret Baldacchino Cefai, spjegat kif il-preparazzjonijiet mill-Kunsill Lokali tal-Imsida ilhom li bdew.
Dan sabiex din l-attività kulturali setgħet kienet possibbli. Stqarret kif wara li ttieħdet id-deċiżjoni li jitwettaq dan il-proġett, saret applikazzjoni għall-fondi taħt l-iskema soċjo-kulturali li nieda r-Reġjun Ċentru matul is-sena 2020.
Baldacchino Cefai spjegat kif permezz tal-fondi, setgħu jinxtraw sett ta’ vari kompluta bil-bradelli u bankuni magħmula mill-artist Johann Aquilina, biex b’hekk din il-purċissjon bis-sehem tal-istudenti setgħet kienet possibbli.
Intqal kif l-għan ewlieni ta’ din l-attività hu li ssir parti mill-kalendarju annwali ta’ attivitajiet kulturali fejn il-Kunsill Lokali saħaq fuq il-bżonn li tiġi ppromovuta l-kultura tal-pajjiż filwaqt li t-tfal Maltin u kif ukoll anke barranin, jitrawmu u jitgħallmu dwar x’joffri pajjiżna.