Fost il-korsijiet tal-Università li din is-sena m’attirawx interess kbir hemm dak fl-Edukazzjoni Primarja.
Wara l-istennija għar-riżultati, fix-xhur tas-sajf l-istudenti interessati li jsegwu kors fl-Università ta’ Malta jibdew idaħlu l-applikazzjoni tagħhom biex b’hekk jieħdu pass ieħor għall-karriera li jixtiequ jsegwu. Iżda, jidher li l-interess f’numru ta’ korsijiet ma kienx biżżejjed tant li l-Università kellha saħansitra toħroġ avviż biex forsi tħajjar lill-istudenti japplikaw għalihom tard. U fost dawn hemm dak li jwassal għall-għalliem tal-primarja.
Dwar dan one.com.mt tkellem mas-Segretarju Ġenerali tal-MUT, Franklin Barbara. Fi kliemu huwa qal li l-union ilHa żmien twil tgħid li l-kors fl-edukazzjoni primarja mhux jattira biżżejjed nies u li jeħtieġ li jsir xi ħaġa dwarha. Huwa stqarr li hemm problema partikolari fis-settur tal-Primarja u li kien għalhekk li l-MUT talbet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni u lill-Università ta’ Malta biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni.
Il-Ministeru laqa’ s-suġġeriment tal-Union; li għandha tiġi mwaqqfa task force, biex jiġu ddentifikati r-raġunijiet li qed iwasslu kemm studenti u kemm għalliema li jitilfu l-interess f’din il-professjoni. Il-lista ta’ korsijiet li fihom hemm nuqqas ta’ applikanti tinkludi wkoll is-suġġett tal-Ingliż. Xi ħaġa li rrefera għalih wkoll Barbara, fejn qal li problema oħra hija n-nuqqas sostanzjali ta’ għalliema tal-Ingliż.
Fost id-diversi fatturi li qed iwasslu biex studenti ma jfittxux din il-professjoni, is-Segretarju Ġenerali semma numru ta’ fatturi:
- L-aġir tal-istudenti
- Tibdil fid-dinamika tal-klassi
- Il-professjoni mhux qed toffri biżżejjed vantaġġi
- Il-ħidma tal-għalliema saret aktar diffiċli
- Il-mistoqsija dwar jekk l-għalliema għandhomx l-aħjar kundizzjonijiet
Fattur ieħor li bosta studenti qed jikkummentaw dwaru, huwa t-tibdil riċenti li sar f’dan il-kors Universitarju. Student issa huwa mitlub li jsegwi tlett snin kors fil-Baċellerat tal-Edukazzjoni, iżda biex jingħata l-warrant ta’ għalliem huwa mitlub li jagħmel sentejn oħra f’livell ta’ Masters – li jagħmel il-kors tal-edukazzjoni primarja twil 5 snin.
Il-mistoqsija fost l-istudenti hija kemm jaqblilhom li jidħlu għall-ħames snin kors ta’ għalliem meta wieħed iqis l-isfidi u l-paga ta’ din il-professjoni?
Meta mqabbel ma’ korsijiet oħra, fl-istess numru ta’ snin wieħed jista’ jiggradwa f’professjonijiet oħra bħal dik ta’ avukat li hija professjoni li twassal għal dħul finanzjarju akbar. Raġuni oħra li numru ta’ għalliema jikkumentaw dwarha hija kemm il-professjoni tagħhom hija stmata fis-soċjetà Maltija.
“Bħala MUT nittammaw li tiġi trattata b’mod ħolistiku u li jiġu indirizzati r-raġunijiet li qed iwasslu għal dan in-nuqqas.” temm jgħid Franklin Barbara.