L-istudenti tal-MCAST illum ħarġu mill-klassijiet bħala sinjal ta’ protesta kontra azzjonijiet industrijali fil-Kulleġġ li ħallew lill-istudenti mħasba.
Dan hekk kif l-istess studenti qed jilmentaw dwar kif m’għandhomx għalfejn jistennew xahrejn biex jirċievu r-riżultati tagħhom kawża ta’ dewmien fi qbil min-naħa tal-MUT.
Fid-dawl ta’ dan, fi stqarrija l-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, qal kif filwaqt li ilu jsegwi s-sitwazzjoni fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST), innota s-sitwazzjoni li żviluppat f’dawn il-jiem minħabba nuqqas ta’ ftehim fin-negozjati dwar il-ftehim kollettiv bejn il-Malta Union of Teachers (MUT) u l-MCAST.
Intqal kif filwaqt li jirrispetta l-awtonomija tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija fuq kull livell, inkluż dak ta’ ftehim kollettiv, ġaladarba dan ma ġiex konkluż, bil-konsegwenza li hemm f’posthom direttivi li jolqtu lill-istudenti, il-Ministeru qed jintervjeni u filwaqt li qed joffri l-assistenza tiegħu biex jiġu konklużi dawn in-negozjati, skeda wkoll numru ta’ laqgħat mal-partijiet konċernati.
L-għan huwa li dawn in-negozjati jwasslu għal żblokk, filwaqt li jkunu sospiżi d-direttivi biex l-istudenti jkomplu bl-andament tas-sena skolastika tagħhom.