B’daqqa ta’ pinna bejn id-Direttur tal-MCAST, u l-Kap tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva, ġie ffirmat Memorandum of Understanding għat-tliet snin li ġejjin, biex dawk li jimirħu għal karriera fis-settur tal-kura fil-komunità, jingħataw opportunità li jmiddu jdejhom direttament fis-settur fl-istess waqt li qed jistudjaw.
Fil-fatt b’dan il-ftehim, l-istudenti se jiġu esposti għad-dinja tax-xogħol, billi jaħdmu ammont ta’ sigħat f’postijiet ta’ servizzi fil-komunità, u fi djar residenzjali tal-Gvern.
Fl-istess waqt, il-ħaddiema preżenti fid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva se jkunu jistgħu jitħarrġu biex huma wkoll itejbu l-ħiliet tagħhom f’diversi oqsma.
Ann Marie Cassar – id-Direttur tal-Istitut tas-Servizzi fil-Komunità fl-MCAST, qalet li aktar mal-istudenti jkunu midħla tal-industrija, aktar jifhmu r-responsabbiltajiet tagħhom ġaladarba jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Cassar stqarret “Li taqra, li tistudja huwa tajjeb iżda li int tkun qiegħda hemmhekk taħdem man-nies, qed tifhem x’inhuma l-bżonnijiet, għandek xi ħadd li qed jiggwidak fuq il-post tax-xogħol, jispjegalek kif trid tagħmel xogħlok, hemmhekk għandna ċertezza li meta ħa tmur fuq ix-xogħol, tkun preparata, u preparata tajjeb.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis, innota li f’dan l-iskambju interġenerazzjonali tal-istudenti mal-anzjani, dawk żgħar fl-età se jkollhom l-opportunità li jitgħallmu ħiliet ġodda, fl-istess waqt li dawk li ħadmu bl-għaraq ta’ ġbinhom għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom, jingħataw l-aqwa kura possibbli.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis qal “Il-cohort tal-anzjani tagħna qiegħed kulmajmur jiżdied, u allura dan ħa joffri opportunitajiet ta’ xogħol aktar milli għandna llum u aħna rridu nippreparaw lil pajjiżna għall-ħtiġijiet tal-lum u ta’ għada u permezz t’hekk, qegħdin inserrħu ras in-nies li anki fejn jidħol is-settur tal-ħaddiema, ħa nagħtu opportunità lil min irid jagħżel dan is-settur li se jkunu jistgħu jispeċjalizzaw.”