Minn fuq il-bank tal-laboratorji fl-MCAST, għal parti mit-tim, li b’mod volontarju, qiegħed fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-imxija f’Malta.
L-istudenti li qed jaspiraw li jkunu infermiera, xammru l-kmiem u bdew ilaqqmu lin-nies f’wieħed mill-akbar ċentri ta’ vaċċinazzjoni f’pajjiżna, dak fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija.
Jolie Galea studenta fit-tieni sena tal-kors tal-infermiera, esprimiet is-sodifazzjon li din l-esperjenza qed tħallilha.
Qalet kif, “Aħna ġejna mgħajta mill-għalliema sabiex niġu fl-MCAST ħalli ngħinu billi nagħtu l-vaċċin u sabiex inkomplu ngħaġġlu l-proċess kontra l-pandemija tal-Covid-19. Hija vera esperjenza sabiħa u hija xi ħaġa li qatt mhu se tintesa.”
Kif konna propju f’dan iċ-ċentru tal-vaċċinazzjoni, segwejna lil Jolie tlaqqam raġel, li ma’ ONE News qasam l-esperjenza tiegħu hekk kif ħa t-tilqima.
Spjegat, “Inħossni tajjeb u ma ħassejt xejn imbierek Alla, lanqas il-labra ma ħassejt xejn. L-appell għalija jeħodha kulħadd ma tħoss xejn.”
Tkellimna wkoll ma’ Marcia Gafa, lettur anzjan tal-kors tal-infermiera fl-MCAST, fejn spjegat kif dak li kienet tgħallem fil-klassi issa qed tarah isir fil-prattika mill-istudenti tagħha.
Qalet, “Hija opportunità unika għalina għax is-soltu dejjem inkunu fil-klassi ngħallmulhom il-prattika u t-teorija allura hija opportunità li qegħdin hawn actually doing in practise mhux bħal ma qegħdin just nispjegawlhom.”
Spjegat li l-kors ta’ infermiera fl-MCAST huwa programm b’kollaborazzzjoni ma’ dak tal-Università ta’ Northumbria u jipprovdi lill-istudenti kwalifiki neċessarji li hume meħtieġa biex jirreġistraw bħala infermiera f’Malta u fl-istati membri tal-Unjoni Ewropea.