Madwar 300 student kellhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ ħamsa u għoxrin entità li jispeċjalizzaw fis-suġġetti tax-Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika fiċ-Ċentru Interattiv Esplora fil-Kalkara.
Dan bħala parti minn Expo nazzjonali tal-karrieri, l-ewwel tax-xorta tagħha, organizzata mill-Università, l-MCAST u l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija bil-għan li jħajru aktar studenti jidħlu f’dawn il-karrieri bżonjużi u ta’ prestiġju.
Kulma jmur, dawn il-karrieri qed jikber l-għatx għalihom u f’dinja li fiha t-tekonoloġija tavvanza f’temp ta’ ftit sekondi, il-bżonn ta’ nies speċjalizzati u mħarrġa f’dawn l-oqsma żgur mhux ser jmajna.
ONE News tkellem ma’ wħud mill-istudenti li jattendu l-iskola primarja ta’ St Michael’s fosthom Gianluca u Isaac li tkellmu dwar l-interess tagħhom f’dawn is-suġġetti.
Huma qalulna: “Tħares lejn kompjuter u jurik fejn qed tħares u tista’ tidħol ġo dak l-app pereżempju lejn fejn qed tħares.”
“Qgħadna nagħmlu l-esperimenti għax kienu mhux bħal tas-soltu u qatt ma kont rajthom.”
“Jinteressawk dawn is-suġġetti tax-xjenza u teknoloġija? Tixtieq tistudjahom fil-futur? Iva.” “Jien nixtieq nistudja l-fiżika meta nikber.”
Dan filwaqt li Cheyenne u Mia saħqu li din l-inizjattiva kienet waħda mhux tas-soltu għax raw b’għajnejhom u affaxxinaw ruħhom b’dak li raw.
Huma stqarrew: “Jien għoġobni għax morna fuq dan il-wheelchair u kkontrollajnieh b’remote tan-Nintendo Switch.” “Konna nistgħu naraw fuq il-kompjuter b’għajnejna nikkontrollaw x’ikun hemm fuq il-kompjuter minflok b’idejna.”
Clayton Cutajar, uffiċjal għoli fi ħdan iċ-ċentru Esplora stqarr li din l-idea nibtet mill-bżonn imminenti ta’ speċjalizzazzjoni.
Huwa spjega: “STEM careers speċjalment bit-teknoloġija li qed tiġi żvilupatta llum huma priority occupations f’Malta hemm bżonn li, ingħaqadna flimkien biex it-tfal flimkien mal-guardians u t-teachers jiltaqgħu mal-professjonisti stess huma u anki jagħmlu xi ħaġa ikunu aware ta’ kemm hawn jobs in STEM li wieħed jista’ jimraħ fihom mhux biss the traditional ones illi s-soltu kulħadd jaf bihom.”
Din l-Expo ser tkun miftuħa għall-istudenti ċkejknin flimkiem mal-familji tagħhom matul il-21 u s-26 ta’ Jannar fiċ-Ċentru tal-Esplora.