Studenti mill-iskola primarja tal-Msida fi ħdan il-Kulleġġ Santa Tereża ħejjew għadd ta’ attivitajiet b’rabta mal-festa tal-maħbubin.
Taħt it-tmexxija tal-Kap tal-iskola, Silvana Ungaro flimkien mal-għalliema t-tfal mill-ewwel sas-6 sena ħejjew qlub ħomor magħmula minn materjal riċiklat. Dawn il-qlub twaħħlu mal-entratura tal-iskola b’messaġġi pożittivi għal dawk li jkunu għaddejjin minn biswit l-iskola.
ONE News żar żewġ klassijiet tal-5 u s-6 sena u numru ta’ studenti qraw uħud mill-messaġġi li kitbu u li kienu se jwaħħlu.
“Dear mum and dad thankyou for everything, love you – good friends are like stars you don’t always see them but you know they are there – a friend is someone who knows everyhting about you and still loves you – everyone is the same always help and respect”
Is-Sinjura Ungaro spjegat ukoll li aktar qabel ġie inawgurat bank fil-bitħa prinċipali tal-iskola bil-għan li jkompli jsaħħaħ il-ħbiberija bejn it-tfal u sabiex ħadd ma jitħalla waħdu.
Il-kap tal-iskola Silvana Ungaro qalet: “Introduċejna l-friendship bench għamilnih fil-bitha, spjegajna x’inhu li waqt ikunu qed jilagħbu u min jħossu waħdu u jixtieq imur jilgħab ma’ ħaddieħor huwa joqgħod bilqiegħda fuq dan il-bank.”
Uħud mill-istudenti li tkellmu magħna u kienu minn tal-ewwel li żanżnu dan il-bank tkellmu dwar l-importanza tal-ħbieb għalihom.
Xi kummenti tat-tfal kienu: “Biex nilgħab, I like to play, naqsmu l-affarijiet.”
Numru ta’ għalliema ħasbu wkoll għal modi innovattivi sabiex it-tfal setgħu jilqgħu lil sħabhom b’mod differenti. Fosthom kien hemm klassi li t-tfal taw tgħanniqa lil xulxin qabel poġġew fuq il-bankijiet tal-iskola.