Alizee Estievenart, tfajla Belġjana ta’ 21 sena li kienet toqgħod f’lukanda f’San Ġiljan u li kienet ser titlaq minn Malta dalwaqt, ingħatat sentenza sospiża wara li nstabet ħatja ta’ serq u pusses ta’ affarjiet misruqin.
Fil-Qorti ntqal kif il-ħaddiema ta’ ħanut tal-ġugarelli f’Bay Street innutaw lill-akkużata tisraq kaxxa permezz tal-filmati tas-cctv. Aktar tard filgħaxija l-istess mara reġgħet marret fil-ħanut liebsa l-istess libsa u żarbun u l-ħaddiema ċemplu lill-pulizija
Wara li l-pulizija fittxew fil-kamra tat-tfajla huma sabu ħames bagalji mimlijin b’affarjiet personali tagħha . Mħalltin magħhom sabu wkoll diversi oġġetti, inkluż kotba, souvenirs u ġugarelli li aktar tard il-mara ammetiet li kienu misruqin.
B’kollox fil-bagalji instabu 15-il oġġett b’valur li kien jammonta għal €233 u li ingħataw kollha lura lil sidhom wara li ż-żgħażuha żiet mixlijja bis-serq.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużata kkooperat mal-pulizija u qatt ma kkommettiet reat qabel, lanqas f’pajjiża. Hija ammetiet l-akkużi kontriha u ingħatat sentenza ta’ 10 xhur ħabs, sospiża għal sena.