Il-kultura fiċ-Ċina u l-Ġappun minn dejjem affaxxinawha, tant li bdiet tistudja l-lingwa Ċiniża u qed taspira li fil-futur titgħallem il-lingwa Ġappuniża wkoll.
Luana Cini, studenta fl-Università ta’ Malta, applikat u ntagħżlet għall-MIRAI Program. Programm li permezz tiegħu kellha l-opportunità tmur il-Ġappun u tesperjenza l-ħajja vera li jgħixu l-Ġappuniżi.
Dan filwaqt li titgħallem aktar dwar l-ekonomija Ġappuniża – waħda mill-ikbar fid-dinja.
Dan il-programm għandu l-għan biex persuni minn pajjiżi differenti jifhmu l-kultura Ġappuniża, fl-istess waqt li dan il-pajjiż Ażjatiku jsaħħaħ ir-relazzjonijiet diplomatiċi mal-kumplament tad-dinja.
Luana spjegat li meta kienet hemm, rat id-differenza fl-istil ta’ ħajja bejn il-kapitali vibranti Tokyo u gżejjer iżgħar. Hij spjegat: “Il-moħħ wara dan kollu huwa li huma jieħdu ideat mill-ekonomija tagħna u aħna nagħmlu l-istess.”
L-istudenti li attendew dan il-programm ħejjew pjan t’azzjoni dwar dak li se jagħmlu meta jaslu lura pajjiżhom biex jippromwovu l-Ġappun. Cini sostniet: “Għalkemm jiena kont diġà mort il-Ġappun xi erba’ snin ilu, rajt id-differenza għax mod qed taraha bħala turist u mod li tmiss kollox b’idejk u tgħix mal-Ġappuniżi jiġifieri dik waħda mill-affarijiet li jiena nixtieq nippromwovi.”
Luana nnutat li d-delegati l-oħra li attendew kienu kollha mill-Ewropa, u diġà kienu jafu b’Malta u kemm l-ekonomija ta’ pajjiżna hija b’saħħitha.
Ħeġġet studenti oħra jaħtfu opportunitajiet bħal dawn għaliex temmen li jrendu ħafna għall-futur.
Cini appellat: “Għalija kien wieħed mill-aktar scholarships li jiena, fl-opinjoni tiegħi, se niggwadanja minnu fil-futur tiegħi.”