Tagħlim dwar kif tinħadem it-taxxa, dwar il-politika f’pajjiżna u dwar kif wieħed għandu jivvota.
Dawn kienu wħud mis-suġġerimenti li saru f’laqgħa tal-Kabinett bit-tema ‘Gvern man-nies.’ Laqgħa li saret fl-skola sekondarja ta’ Ħad-Dingli, Kulleġġ San Nikola u li kkonċernat is-settur edukattiv.
Fil-fatt, il-Kabinett tal-Gvern tul din il-laqgħa sema’ bosta suġġerimenti biex dan il-qasam ikompli jagħmel passi pożittivi ’l quddiem.
Fost oħrajn dawn ġew mill-istudenti nfushom hekk kif George Vella, student ta’ ħmistax-il sena fl-aħħar sena tas-sekondarja sostna l-importanza tal-attivitajiet extra kurrikulari.
Għandna bżonn naraw kif dak li nitgħallmu fl-iskola nistgħu napplikawh fil-ħajja ta’ kuljum tagħna għaliex inkella tista’ tgħid li għalxejn inkun tgħallimnih. Kif naraha jien attivitajiet extra kurrikulari huma verament importanti u l-iskejjel għandhom ikomplu jinkoraġixxu l-istudenti tagħhom biex jieħdu kull opportunità biex jipparteċipaw f’dawn it-tip ta’ attivitajiet ta’ wara l-iskola.
Indirizza wkoll lill-Kabinett, il-Professur Mark G. Borg li huwa Professur tal-Psikoloġija Edukattiva fi ħdan l-Università ta’ Malta.
Huwa rrimarka l-effetti tal-miżuri f’waqthom tal-Gvern favur dan il-qasam fi żmien il-pandemija u kif laqtu b’mod pożittiv lill-istudenti.
“Mhux talli fil-benchmark ta’ wara l-pandemija jiġifieri tal-2021 l-achievement niżel jew tal-inqas baqa kif kien fis-sena ta’ qabel il-pandemija jiġifieri fl-2019 iżda t-tfal marru aħjar. M’għandix dubju li l-miżuri li ttieħdu fis-settur biex ikun hemm l-inqas tfixkil fl-entitlement tat-tfal u l-impenn tal-edukaturi affaċċjati b’sitwazzjoni bla preċedent ikkontribwixxew mhux ftit għal dan ir-riżultat pożittivi.”
Intant il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima, tenna l-importanza tal-konsultazzjoni f’dan il-qasam. Huwa aċċenna għat-titjib li sar fl-aħħar snin u kif dan għandu jnissel aktar motivazzjoni favur aktar ħidma li twassal għal edukazzjoni aqwa għal uliedna.
“Sar xogħol? Sar ħafna xogħol. Sar biżżejjed? Qatt ma sar biżżejjed. Irridu nkunu kuraġġjużi u naraw li s-sistema edukattiva tagħna tibqa’ tevolvi u tirrifletti dik li hija r-realtà hemm barra”