Student ta’ 24 sena min-Naxxar, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, inħeles mill-arrest wara li ġie mixli bil-pussess ta’ 70 gramma kannabis u għaxar grammi kokaina.
Ftit qabel is-seduta, l-akkużat deher viżibbilment emozzjonat.
Hu ġie arrestat fis-27 t’April wara ħabta li seħħet ħdejn l-Għassa ta’ San Ġiljan, fejn il-Pulizija avviċinaw il-vettura tiegħu u xammew riħa ta’ ħaxixa.
Fil-vettura nstabu 70 gramma kannabis u 10 grammi kokaina, b’dan kollu jinqabad fuq il-bodycams tal-Pulizija.
Hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u saret talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba sabet l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni, fuq il-bażi li hu għandu sentenzi marbutin ma’ aċċidenti tat-traffiku u anke sewqan mingħajr liċenzja.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €20,000, waqt li ordnatlu li jiffirma tliet darbet f’għassa tal-Pulizija.