Malta ġiet l-ewwel fil-Finali Internazzjonali tal-kompetizzjoni Speak Out for Engineering (SOFE). Il-kompetizzjoni SOFE tistieden kontestanti mid-dinja kollha biex jippreżentaw il-proġetti ta’ riċerka tagħhom fl-inġinerija. Il-kompetizzjoni hija kkoordinata mill-Istituzzjoni tal-Inġiniera Mekkaniċi (IMechE), organizzazzjoni professjonali dinjija tal-inġinerija.
Is-Sur Donald Dalli ppreżenta parti mix-xogħol tiegħu tal-Ph.D li jagħti kontribut għall-proġett MALTAHIP u rrappreżenta r-Reġjun Ewropew. Qabel il-parteċipazzjoni fil-gran final, kull parteċipant għandu l-ewwel jirbaħ il-konkors lokali tal-kompetizzjoni SOFE li jsir fil-pajjiż rispettiv. Il-parteċipant rebbieħ huwa mbagħad mistieden jikkompeti fuq livell reġjonali. Ladarba l-parteċipant jikkwalifika mill-konkors reġjonali, il-kontestant ikun eliġibbli sabiex jipparteċipa fil-Finali Internazzjonali.
Is-Sur Donald Dalli kkompeta u ġie l-ewwel fil-kompetizzjoni lokali SOFE nhar il-5 ta’ Ottubru 2017 (fil-Lukanda Corinthia Palace). Il-Grupp Malti tal-Istituzzjonijiet Professjonali tal-Inġinerija (The Malta Group of Professional Engineering Institutions-MGPEI) laqa’ l-kompetizzjoni f’Malta li ġiet organizzata minn Ing. Charles Cuschieri u Prof. Inġ Duncan Camilleri (ir-rappreżentanti lokali tal-IMechE). Is-Sur Dalli ħa sehem ukoll fil-Konkors Reġjonali Ewropew fis-17 ta’ Novembru 2017 f’Sevilja, Spanja (fil-Fondazzjoni Cristina Heeren). Waqt dan l-aħħar, is-Sur Dalli kkompeta kontra l-Ġermanja, Spanja u l-Palestina.
Il-Finali Internazzjonali tal-kompetizzjoni SOFE saret nhar is-17 ta’ Frar 2018 fi Christchurch (fil-Lukanda Commodore), New Zealand. Kien hemm total ta’ sitt kontestanti jipparteċipaw, li kienu jirrappreżentaw ir-reġjuni tal-Ameriki, l-Ewropa, il-Lvant Nofsani, l-Asja tal-Grigal, l-Oċeanja u l-Asja tan-Nofsinhar.
F’din il-kompetizzjoni, Donald għamel preżentazzjoni bijomedika dwar is-simulatur tal-ġog tal-ġenbejn li kien qiegħed jiżviluppa bħala parti mill-proġett MALTAHIP. Is-simulatur tal-ġog tal-ġenbejn huwa maħsub biex iservi bħala pjattaforma ta’ ttestjar biex jipprovdi lir-riċerkaturi tal-Università ta’ Malta għarfien aħjar dwar kif l-impjanti tal-ġenbejn jirreaġixxu għall-korrużjoni u l-ħsara mill-użu. It-tim tal-MALTAHIP għandu l-ħsieb li juża s-simulatur biex jittestja disinn ġdid ta’ impjant għall-bdil totali tal-ġog tal-ġenbejn.