Kull sena, eluf ta’ studenti minn skejjel differenti minn madwar l-Ewropa jieħdu sehem fil-kompetizzjoni organizzata mid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, li tagħti esperjenza tat-traduzzjoni lill-istudenti fit-tieni sena tal-iskola post-sekondarja.
F’din l-edizzjoni, l-istudent żagħżugħ Malti-Taljan, Francesco Giorgino wassal messaġġ favur l-għarfien tal-lingwi u s-saħħa li għandhom biex jgħaqqdu lill-popli.
Id-diskors, li kien mibni fuq tliet lingwi differenti, infetaħ b’ilsien pajjiżu, fejn qal li l-lingwi huma bħal pontijiet li jgħaqqduna ma’ nies u kulturi oħra.
Wara, qaleb għat-Taljan, fejn tkellem kif permezz ta’ din il-lingwa hu jista jikkomunika man-naħa Taljana ta’ familtu. Id-diskors tiegħu ingħalaq bil-lingwa Ingliża, fejn saħaq fuq l-importanza tat-traduzzjoni bħala għajnuna għad-djalogu u l-paċi.
Din iċ-ċerimonja nfetħet mid-Direttur tad-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni, Christos Ellenides, li saħaq fuq l-importanza li għandhom it-tradutturi professjonisti f’qasam li qed iserraħ fuq l-għodod diġitali lingwistiċi.
Minħabba li l-Unjoni Ewropea għandha 24 lingwa uffiċjali, tagħti ħafna importanza lit-traduzzjoni u l-interpretazzjoni.