Student għawdxi ta’ 21 sena tressaq il-Qorti akkużat li lura f’ Diċembru 2016 stupra mara li wkoll toqgħod Għawdex.
L-akkużat wieġeb mhux ħati bl-avukat difensur, Giannella de Marco tikkontesta l-validità tal-arrest u talbet lill-ispettur jitla’ fuq il-pedana tax-xhieda. L-avukat saħqet li l-allegat vittma bgħatet messaġġ l-għada tal-allegat reat u qaltlu li kienet ħadet pjaċir. Għal dan oġġezzjonat il-prosekuzzjoni u l-avukat parte civile Lara Dimitrijevic minħabba li f’dan l-istadju ma jiġix trattat il-mertu tal-każ. Liema oġġezzjoni ġiet milqugħa mill-qorti.
Id-difiża talbet ukoll għall-ħelsien mill-arrest hekk kif l-akkużat jista’ joqgħod Malta u għandu fedina penali nadifa. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat hekk kif l-akkużat joqgħod fl-istess raħal tal-vittma u l-ġenituri tiegħu allegatament marru jistaqsu lill-ġenituri tal-vittma għall-informazzjoni dwar dak li kien ġara.
Il-Qorti tatu l-ħelsien mill-arrest fuq depositu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000 filwaqt li ordnatlu ma jmurx fil-post fejn tgħix il-vittma. Dan filwaqt li ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma.