Student Taljan ta’ 18-il sena ġie kkundannat għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u weħel multa ta’ €15,000 wara li wettaq att vandalu fit-tempji tal-Ġgantija.
Fi stqarrija, Heritage Malta qalet li dan l-att vandalu seħħ waqt ħarġa tal-iskola lbieraħ.
Intqal li l-istudent wettaq ħsara irreparabbli hekk kif naqqax ittri fuq il-ġenb ta’ waħda mid-daħliet prinċipali ta’ dan il-monument li huwa ddikjarat mill-UNESCO bħala Sit ta’ Patrimonju Dinji.
Huwa nqabad fil-fatt minn uffiċjal tas-sigurta u immedjatament issejħu l-pulizija fuq il-post.
L-istudent Taljan tressaq il-Qorti ta’ Għawdex lbieraħ stess, fejn ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.
F’din l-istqarrija, l-aġenzija Heritage Malta qalet li hija tikkudanna bla riservi dan l-att vandalu.
Heritage Malta qalet li f’dawn l-aħħar xhur għamlet investiment sostanzjali biex iżżid is-sigurta fis-siti u l-mużewijiet tagħha u esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-intervent f’waqtu tal-uffiċjal tas-sigurta involut fil-każ tal-bieraħ.