L-Aġenzija Identità għamlet referenza għal rapporti dwar posta ndirizzata lil persuni barranin u li qed tasal f’indirizzi li fihom ma jirrisjedux dawn l-istess persuni. Fuq dan qed tinforma li hemm raġunijiet diversi għala dawn il-każijiet iseħħu.
Semmew kif fost dawn ir-raġunijiet hemm li l-inkwilin ma jkunx informa lill-aġenzija li biddel ir-residenza fejn jgħix, ma tkunx ġiet sottomessa d-De-Registration Form minn sid il-propjetà, l-individwu ikun naqas milli jinforma kumpaniji privati u fornituri tas-servizzi li jkun tahom id-dettalji tiegħu bi bdil fl-indirizz jew l-indirizz ikun qed jintuża b’mod qarrieqi u mingħajr awtorizzazzjoni legali.
Sidien ta’ propjetajiet li qegħdin jirċievu posta ndirizzata lil persuni li ma jirrisjedux f’dik ir-residenza għandhom jagħmlu rapport fl-eqreb għassa tal-pulizija. F’każ li l-persuna li tkun qed tuża l-indirizz tkun barranija, sid il-propjetà għandu jinforma lit-Taqsima tal-Compliance.
Is-sid għandu jniżżel DeRegistration Form billi jidħol fuq https://identita.gov.mt/expatriates-unit-property-deregistration/ ,jimla d-dettalji neċessarji u jissottometti d-dokumenti mitluba f’sezzjoni 5 tal-applikazzjoni. L-applikazzjoni tista’ tintbagħat permezz ta’ email fuq landlords.identita@gov.mt
Filwaqt li l-Aġenzija tfakkar fl-obbligi legali tas-sid li jirreġistra u jiddiregistra kirjiet skond il-ligi nazzjonali, l-Aġenzija tfakkar li l-applikazzjoni ta’ Direġistrazzjoni (De-Registration Form) għandha tintuża wkoll minn sidien ta’ propjetajiet li jikkru lil residenti barranin, wara li l-inkwilin ikun ħareġ minn dik il-propjetà.
La darba l-Aġenzija Identità tkun infurmata minn sid il-propjetà li l-inkwilin ikun ħareġ mill-propjetà tiegħu, Identità tfakkar lill-inkwilin barrani fl-obbligi tiegħu biex jirregola l-preżenza tiegħu f’Malta u jissottometti l-formola Change of Address, u jiddikkjara l-indirizz il-ġdid. F’każ li jonqos milli jagħmel dan, il-Permess u d-Dokument ta’ Residenza jiġi revokat.
L-Aġenzija Identità tavża li b’seħħ mill-1 ta’ Settembru 2024 kwalunkwe kuntratt ta’ kirja ta’ propjetà sottomessa ma’ applikazzjoni għall-permess ta’ residenza, irid ikun legalizzat min-Nutar, Avukat jew Prokuratur Legali. L-ebda applikazzjoni mhu se tiġi aċċettata mingħajr mal-kuntratt ikun legalizzat.
L-Aġenzija Identità tfakkar li kull applikazzjoni għal Permess jew Dokument ta’ Residenza li tasal għandha, flimkien mad-dokumenti neċessarji abbażi tal-istess applikazzjoni, tkun assessjata u vverifikata minn diversi stakeholders, u minn hemm tingħata rakkomandazzjoni dwar jekk dik lapplikazzjoni għandhiex tiġi approvata jew rifjutata. Abbażi ta’ dik ir-rakkomandazzjoni l-Aġenzija Identità toħroġ Dokument jew Permess ta’ Residenza, jew tirrifjuta l-applikazzjoni.
Identità tappella lill-kumpaniji u fornituri ta’ servizzi lokali sabiex jagħmlu referenza għal dokument ta’ identità uffiċjali Malti li juri l-indirizz meta klijent jitlob servizz mingħand il-kumpanija. Tfakkar li kumpaniji privati u fornituri ta’ servizzi għandhom dover jitolbu verifika tal-indirizz tal-individwu qabel ma dawn jirreġistrawh fis-sistemi tagħhom, fejn anke jirriżulta illi mhux dejjem qiegħed isir hekk.
Hija responsabbiltà ta’ kull detentur ta’ Permess jew Dokument ta’ Residenza li jinforma lill-fornituri lokali bi kwalunkwe tibdil fl-indirizz tiegħu jew tagħha meta jintalab servizz jew ieħor.
Bl-aktar mod skjett l-Aġenzija Identità tiddikkjara li ma tistax tinżamm responsabbli meta, b’mod malizzjuż, tingħata informazzjoni ħażina jew frawdolenti lill-kumpaniji, entitajiet jew fornituri lokali.