Madwar sittin elf persuna niżlu fit-toroq tal-kapitali Taljana, Ruma wara strike ġenerali mill-istudenti fl-iskejjel, ħaddiema taċ-ċivil u t-trasport madwar il-pajjiż.
Din il-protesta, speċjalment mill-istudenti, qed issir minħabba l-baġit għas-sena d-dieħla tal-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Giorgia Meloni.
Il-unjins fl-Italja qalu li l-Gvern mhux jagħmel biżżejjed biex jgħin lill-ħaddiema u l-pensjonanti biex jiġġieldu kontra l-għoli tal-ħajja.
Intqal li din il-protesta fiċ-ċentru tal-pajjiż mhux se tkun unika, hekk kif se jsiru aktar strikes u protesti f’reġjuni oħra fil-ħmistax li ġejjin.
Fl-Italja, il-familji u n-negozji kellhom iġorru l-piż tal-kontijiet għoljin fosthom dawk tal-elettriku u l-fuel.