Fl-età ta’ sitta u disgħin sena, is-Sibt wara nofsinhar għall-ħabta tas-sagħtejn, ħalla din id-dinja Nenu Buhagiar. Suldat tal-azzar fl-istorja tal-Partit Laburista, raġel li mar il-ħabs għall-ideali tiegħu, li ħadem mhux ftit biex l-istorja tal-istess Partit żvolġiet kif nafuha llum.
Filfatt, kienu mijiet li llum inġabru fil-knisja parokkjali tal-Gżira biex jagħtu l-aħħar tislima lil Nenu Buhagiar, fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat, Ministri u rappreżentanti tal-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista kien ta rikonoxximent lil dan il-veteran tas-sehem tiegħu tul is-snin li serva fil-Partit Laburista. Qarrejja ta’ one.com.mt, qasmu l-memorji tagħhom ta’ Nenu, u fost l-oħrajn qalulna kif dejjem kien jirrispondi telefonata bil-kliem “Paċi u Sliem.”
Huwa kien jgħix fi Triq Cameron u kien għal snin sħaħ punt ta’ referenza għal Gżirjani biex iħalsu t-tessera u jsiru jafu bl-attivitajiet tal-Partit. L-isem Nenu Buhagiar huwa sinonimu mhux biss mal-Gżirjani iżda tista’ tgħid mal-maġġoranza tal-Laburisti, u storja dwarhu kulħadd għandu x’jirrakonta.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar il-mewt ta’ Nenu Buhagiar u qal li Nenu kien anzjan veteran, attivissimu u li baqa’ mentalment wieħed mill-iktar nies żgħażagħ u progressivi u li ma jibżax mill-bidliet.
Jekk titkellem ma’ ħafna persuni li llum m’għadhomx żgħażagħ u bdew mal-Partit Laburista, kollha jitkellmu dwaru b’ċertu stima u mħabba għax kien bniedem li jispira. Kien wieħed minn nies li mar il-ħabs, li kien spalla ma’ spalla ma’ Mintoff, imma wara baqa’ jaħdem fil-Partit Laburista skont il-bżonn u skont iż-żminijiet.