Il-pjattaforma STREAM, huwa proġett innovattiv Malti li qed jkun ta’ mportanza kbira f’dawn iż-żminijiet meta t-temperatura qed tkun ferm għolja u anke qed issaħħan wiċċ il-baħar b’konsegwenza li qed ikollna diversi mewġiet ta’ sħana tal-baħar.
Grazzi għal din l-application, data li tintbgħat mis-satelliti b’volum kbir tista’ tista’ tintwera u titniżżel b’mod faċli fi kwalunkwe post personalizzat jew żona ta’ interess, bit-temperaturi differenti tal-baħar tal-ġurnata fi kwalunkwe post ta’ interess kemm għall-Gżejjer Maltin kif ukoll medda tajba tal-kosta tan-nofsinhar ta’ Sqallija.
Rigward dan kollu, tkellimna mall-Professur Aldo Drago mill-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport fl-MCAST, fejn flimkien ma’ grupp ta’ speċjalisti oħra, ta’ kuljum jimmonitorjaw t-temperatura tal-wiċċ tal-baħar (SST) kif ukoll aspetti oħra.
Huwa spjega dan il-proġett innovattiv.
Qal, “Dan huwa kompletament proġett innovattiv, proġett li ġej minn Malta, qiegħdin ntellqu xi ħaġa ġdida li naħseb jiena se tkun gamechanger għax ħa tpoġġi id-data tas-satelliti u anke d-data addizzjonali li wieħed jiġġenera bil-mudelli numeriċi f’idejn kemm l-operaturi, kemm ir-responsable entities, kif ukoll anke ċ-ċittadin.”
Dan il-proġett qed iwassal ukoll analiżi speċjalizzata tad-data satellitari fil-forma ta’ mapep operattivi li jiddeskrivu l-intensità u t-tul ta’ temperaturi tal-baħar anormali,
Tintuża wkoll sistema ta’ kuluri sfumati fejn juru l-intensita’, bl-abjad jirreferi għal żoni mingħajr mewġ ta’ sħana, isfar għal moderat; oranġjo għal qawwi; aħmar għal sever; u kannella għal estrem.
Meta wieħed janalizza anke l-grafika li tofrilna din l-app, wieħed fost oħrajn jara l-andament tat-temperatura u l-kurrenti tal-baħar mall-pajjiż fil-jiem li għaddew u fil-jiem li gejjin, u dan b’pożizzjoni mhux waħdanija minfejn tittieħed din l-informazzjoni/
Stqarr, “It-temperatura tal-baħar bħalma nafu huwa wieħed mill-indiċi primarji tal-kambjament fil-klima, nafu per eżempju mid-data li għanda f’idejna li f’dawn l-aħħar għoxrin sena, il-baħar ta’ madwar Malta ta’ mill-inqas bi grad centigradu, li m’huwiex xi ħaġa żgħira, u għadu qed jogħla, imma għandna bżonn id-data biex inkunu nafu x’qed jiġri eżatt, anke minħabba l-fatt li l-baħar huwa ambjent dinamiku.”
Wieħed jista’ jibda juża dan is-servizz b’xejn billi jiftaħ kont fuq il-link tal-app stess, u wara jkollu aċċess dirett ta’ din id-data vasta u bil-preferenzi li wieħed ikun irid.