Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia qal li wasal iż-żmien li nirrevedu il-kunċett ta’ għixien fl-urban sabiex ikun iktar f’armonija man-natura, aktar innovattiv b’ideat aħjar u li jrawwem sens akbar ta’ komunità filwaqt li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju.
Waqt diskors indirizzat lejn udjenza ta’ periti u dawk li jimmilitaw fl-industrija waqt ċeremonja tal-Malta Architecture and Planning Awards organizzata mill-Awtorità tal-Ippjanar, il-Ministru qal li l-isfidi li qed jiffaċċja l-pajjiż fl-oqsma tal-ippjanar u l-ambjent jeħtieġ li jiġu indirizzati b’mod kollettiv.
“L-ambjent li ngħixu fih jaffetwana kollha, u fuq ħafna livelli differenti. Nemmen li wasal iż-żmien li nirrevedu il-mod ta’ kif ngħixu fl-urban sabiex ikun f’sintonija man-natura, aktar innovattiv, jinkludi fih ideat aħjar, irawwem sens akbar ta’ komunità u jħalli inqas impatt fuq l-impronta tal-karbonju. Irridu naħdmu aktar, kemm il-politiċi, kif ukoll il-Periti. Il-pajjiż għandu bżonn is-soluzzjonijiet tagħna, l-isforz kollettiv tagħna u l-impenn lejn titjib sostnut fit-tul”, qal il-Ministru Farrugia.
Huwa spjega li reviżjoni tal-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) hija opportunità unika biex tindirizza l-kwistjonijiet u l-isfidi tal-ambjent u l-ippjanar fil-gżejjer tagħna b’mod ħolistiku.
“Ir-reviżjoni hija opportunità unika għal kulħadd biex ikun involut f’bidla reali fil-mentalità li l-pajjiż għandu bżonn sabiex nippjanaw il-futur tagħna. Nemmen li kapaċi nagħmlu qabża sinifikanti u pożittiva ‘l quddiem li tista’ tbiddel radikalment mhux biss il-valur tad-disinn, l-arkitettura u l-industrija tal-bini, imma wkoll ittejjeb il-kwalità ta’ ħajja għal kulħadd”, qal il-Ministru Farrugia.