Għadejja konsultazzjoni ma’ stakeholders, fosthom għalliema, biex titfassal strateġija nazzjonali dwar l-isports.
L-edukazzjoni fiżika, suġġett li għandu jattira lill-istudenti lejn l-isports minn ta’ età żgħira u li jwassal biex il-parteċipanti fl-isports jiksbu diversi unuri b’medalji fost id-dixxiplini sportivi f’manifestazzjonijiet sportivi internazzjonali.
Kevin Azzopardi, uffiċjal tal-edukazzjoni, spejga kif l-għalliema tal-edukazzjoni fiżika qed jipparteċipaw fid-diskussjonijiet li qed isiru u li huma parti integrali mill-proċess tal-istrateġija.
“Aħna qegħdin nisimgħu mingħandhom x’inhuma l-bżonnijiet fl-iskejjel fejn tidħol l-edukzzjoni fiżika u l-isport. L-impenn qawwi li qegħdin nagħmlu flimkien, anke kkonfermat minn numru ta’ għalliema tal-edukazzjoni fiżika illi ġew impjegati tul dawn l-aħħar snin,” qal Azzopardi.
Is-Segretarju Parlamentari, Clifton Grima, spejga kif din l-istrateġija qed tħares ‘il quddiem biex isir avvanz fil-qasam sportiv.
“Bħalissa l-kummissjoni inkarigata mill-istrateġija ġenerali għall-isports ġewwa pajjiżna għadejja minn ħidma fejn fost oħrajn qed tiltaqa’ ma numru ta’ stakeholders sabiex propju inkunu nistgħu infasslu din l-sitrateġija. Strateġija li tħares għal għaxar snin li ġejjin u kif bħala pajjiż nistgħu nagħmlu avvanzi importanti fil-qasam sportiv. Avvanzi li fost oħrajn jirrikjedu numru ta’ deċiżjonijiet li jridu jittieħdu,” qal Dr. Grima.
Is-Segretarju Parlamentari qal li Malta se tospita l-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar, iżda din l-istrateġija tmur lil hinn minn dan l-avventiment.
“Ftit tas-snin oħra pajjiżna se jkun qieħed jospita l-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar u allura l-istudenti tas-sekondarja illum huma propju l-atleti li ħa jkunu qegħdin jieħdu sehem f’dawn il-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar, imma aħna qegħdin inħarsu oltre,” saħaq is-Segretarju Parlamentari.
Il-mira ewlenija hija li f’Malta titkattar il-parteċipazzjoni fl-isports, iżda anke, l-kisbiet ta’ riżultati ferm aktar pożittivi f’kull dixxiplina sportiva.