Tnediet strateġija bl-isem ta’ Coastal-COVER sabiex tiġi protetta l-kosta tal-gżejjer Maltin.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Qawra, ġie spjegat kif dan il-proġett tnieda wara li saru studji dwar il-qawwa tal-baħar u kif dan jiekol l-art.
Fil-fatt ġie spjegat li l-erożjoni kostali toħloq problemi ta’ riskju għas-sigurtà pubblika, minħabba l-fatt li jista’ jkollok blat li jaqa’ f’xi żoni kostali li l-aktar iżuruhom in-nies.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo saħaq kif dan kollu se jimxi id f’id mal-ħidma tal-Gvern favur l-ambjent u t-tibdil fil-klima.
“Permezz ta’ din l-istrateġija sabiex inħarsu l-kosta ta’ pajjiżna, illi hija wkoll parti mill-prodott turistiku ta’ Malta u Għawdex kollu kemm hi se naraw illi npoġġu lill-ambjent prijorità, anke fl-aspett turistiku. Dan kollu se jgħin sabiex inkomplu nilħqu l-bilanċ neċessarju bejn l-aspett ambjentali u anke dak ekonomiku illi t-turiżmu huwa wieħed mill-pillastri ewlenin ta’ pajjiżna u għalhekk aħna parteċipi f’dan il-proġett sabiex inwettqu l-istrateġija li tipproteġi l-kosta Maltija.”
Il-Ministru Clayton Bartolo
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq kif dan il-proġett se jiżgura li l-kosta tagħna tkun salvagwardjata biex illum inkunu nistgħu ingawduha aħjar u b’mod aktar responsabbli, u biex tiżdied il-probabbiltà għall-ġenerazzjonijiet futuri tagħna li jagħmlu l-istess.
“Il-kosta Maltija fiha diversi sfidi b’mod partikolari li aħna stat li huwa gżira u allura għandek ċertu realtajiet kemm dawk naturali kif ukoll marbuta anke ma’ bidla fil-klima illi li rridu nilqgħu għalihom. Dawn il-fondi se jagħtu l-opportunità li jsiru studju u titfassal strateġija dwar liema huma dawk l-inizjattivi li rridu nagħmlu biex fl-aħħar mill-aħħar nagħtu ħarsien sħiħ lil dan l-asset importanti u ta’ valur għal pajjiżna.”
Is-Segretarju Parlamentari, Stefan Zrinzo Azzopardi
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Infrastruttura u Proġetti Kapitali Joseph Caruana qal li din it-tema hija ta’ prijorità nazzjonali u b’hekk ġew involuti l-aqwa esperti.