Il-Forti Sant’Anġlu, il-Palazz tal-Granmastru u siti oħrajn tista’ tidħol fihom mhux għax huma miftuħin imma minn darek.
Bħalissa qed issir ħidma fuq diġitizzazzjoni ta’ dan il-wirt storiku.
Fil-fatt Malta u Ċipru ngħaqdu flimkien bil-għan li jimbottaw għal allokazzjoni akbar ta’ fondi Ewropej lejn id-diġitizzazzjoni ta’ elementi kulturali u patrimonjali għal stati membri li jiddipendendu fuq it-turiżmu.
F’webinar organizzat b’suċċess li kien jinvolvi aktar minn 500 parteċipant minn madwar id-dinja, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali Josè Herrera ngħaqad mal-Ministru għall-Edukazzjoni, il-Kultura, l-Isport, u ż-Żgħażagħ Ċiprijott Kostas Champiaouris, qablu li l-fondi mill-Fond ta’ Kooperazzjoni Ewropea fix-Xjenza u t-Teknoloġija għandhom jintużaw biex jiġu adattati attivitajiet tradizzjonali li jiġġeneraw dħul għall-mużewijiet u siti ta’ wirt storiku f’kuntest soċjali wara l-imxija tal-COVID-19.
Il-Ministru Josè Herrera enfasizza fuq l-irwol ewlieni li d-diġitizzazzjoni tal-wirt kulturali ta’ pajjiżna se jkollu biex jiġi żgurrat li l-aġenżiji kulturali ta’ pajjiżna jegħlbu din il-pandemija. Huwa saħaq li l-missjoni ta’ għaqdiet bħal Heritage Malta mhiex biss li tippreserva, iżda wkoll li tkun innovattiva u tibqa’ relevanti għaż-żminijiet tal-lum.
Il-Ministru Herrera saħaq kif dawn is-siti storiċi jistgħu jibqgħu jiġu apprezzati u mgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri.
Fakkar li Malta u Ċipru għandhom ħafna xebħ fil-ħtiġijiet tagħhom fosthim biex jissalvagwardjaw il-wirt storiku tagħhom fil-Mediterran.
Russell Muscat, li qed imexxi l-qasam ta’ diġitizzazzjoni ġewwa Heritage Malta, irrimarka li x-xejriet osservati matul l-aħħar ġimgħat juru l-ħtieġa li jibqgħu jiġu pprovduti servizzi b’inizjattivi innovattivi.
Huwa spjeaga: “Aħna flimkien ma’ Ċipru tagħna il-prestazzjoni tagħna fuq Malta u Ċipru rispettivament x’kienu l-miżuri li ħadna, fosthom kif il-ħaddiema ta’ Heritage Malta fil-każ tagħna, kellhom ibiddlu x-xogħlijiet tagħhom normali u bdew jużaw aktar u jiġu struwiti aktar fit-teknoloġija diġitali.”
Matul dan il-webinar tkellmet ukoll il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Miriam Dalli, li kkonfermat l-appoġġ tagħha għall-inizjattiva konġunta bejn Malta u Ċipru, u ddikjarat li huwa pass fid-direzzjoni t-tajba.