Il-Gvern ippubblika strateġija sabiex jiġi ndirizzat it-tnaqqis tal-emissjonijiet relatati mal-bini għal konsultazzjoni pubblika.
Is-Segretarju Parlamentari tal-Kostruzzjoni, Chris Agius spjega li l-istrateġija se tirrikjedi żmien ta’ sagrifiċċju konsistenza sabiex jintlaħqu dawn il-miri. Qal li din tfasslet ukoll bl-għajnuna tal-Unjoni Ewropea biex Malta tkun minn ta’ quddiem li tilħaq miri ambjentali.
Il-Ministru għat-Tibdil fil-Klima Aaron Farrugia sostna li permezz tal-istrateġija, l-Gvern se jinvesti sabiex il-konsum tal-enerġija tonqos b’aktar minn ħamsa u tletin fil-mija sal-elfejn u ħamsin.
Qal, “Illum ħabbarna strateġija li hija ffukata fuq il-bini u allura ppubblikajna strateġija li tmiss ma diversi pakketti finanzjarji, fiskali, skemi u miżuri li permezz tagħhom qed ngħinu kemm l-iżviluppaturi kif ukoll il-familji Maltin u Għawdxin u l-industrija biex jimxu għall-viżjoni li għandna.”
Dawn l-iskemi se jolqtu diversi aspetti tal-bini li jistgħu jikkontribwixxu għall-emissjonijiet tal-karbonju.
Spjega, “L-iskemi jmissu ma’ diversi xogħolijiet jiġifieri għandek il-panelli fotovoltajiċi li permezz tagħhom diġa ħdimna ħafna u se nkomplu noħorġu aktar skemi. Għandek id-double glazing bil-ħġieġ li inti tagħmel, kif ukoll is-solar water heat pumps u oħrajn li permezz anke ta’ retrofitting ta’ binjiet pubbliċi, għandek diversi ħidmiet li fis-snin li ġejjin irridu nagħmlu biex b’hekk pajjiżna jilħaq il-miri li għandu quddiemu.”