Il-pajjiż għandu strateġija nazzjonali ġdida għall-isport u l-attività fiżika.
“Aiming Higher”, huwa l-messaġġ b’saħħtu għal din l-istrateġija li tixhed l-impenn tal-Gvern biex fl-isport Malta tibda tikseb suċċess mifrux fuq għadd ta’ dixxiplini.
F’Kastilja l-Prim Ministru mdawwar minn għadd ta’ sportivi Maltin li diġa għamlu isem għalihom u għal pajjiżhom nieda din l-istrateġija msejsa fuq seba’ pilastri.
Fost il-pilastri ta’ din l-istrateġija hemm l-edukazzjoni ħolistika favur l-attività fiżika, sostennibilità tal-faċilitajiet sportivi li għandha filwaqt li jkollna aktar faċilitajiet speċjalizzati f’dixxiplini sportivi differenti.
Għawdex ukoll huwa wieħed mill-pilastri ta’ din l-istrateġija hekk kif hemm pjan ċar li mhux biex jiżdiedu l-faċilitajiet sportivi fuq il-gżira tat-tliet għoljiet iżda anki tiżdied il-parteċipazzjoni sportiva f’Għawdex.
Il-Prim Ministru spjega kif din l-istrateġija trid tara bidla fil-mentalità.
“Nemmen li nistgħu nkunu iżjed ambizzjużi, irridu nħarsu lejn l-isport bħala pilastru fil-ħajja soċjali tagħna”, qal Dr. Joseph Muscat.
“Irridu ninvestu iżjed iżda l-flus mhux kollox”, qal Dr. Muscat.
Il-Prim Ministru qal li sal-2023 se jintefqu tletin miljun ewro fuq faċilitajiet sportivi apparti l-ħdax-il miljun ewro li l-Gvern qed jagħti kull sena lil SportMalta.
Iżda l-Prim Ministru li rridu nitilgħu tarġa oħra fl-isport u għalhekk se nagħtu sitt miljun ewro addizzjonali, li ġejjin mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali, li se jmorru f’investiment dirett fl-isportivi infushom.
Dawn il-flus se jintużaw biex jinġabu fost l-oħrajn coaches li jistgħu jgħinu lil Malta ġġib ir-riżultati.
L-istrateġija mfassla minn Alan Grima hija mibnija wkoll fuq valuri strateġiċi fejn fuq medda t’għaxar snin il-pajjiż irid jibda jikseb ir-riżultati.
F’din l-istrateġija l-Gvern ħa ħsieb ukoll li jkun hemm iżjed spazji miftuħa sabiex tiġi promovuta l-attività fiżika.
L-isport se jkollu iżjed promozzjoni fl-iskejjel u ż-żgħażagħ tagħna se jkollhom toroq doppji jiġifieri triq sportiva u dik akkademika.
“Malta trid issir ċentru t’eċċellenza sportiva”, tgħid din l-istrateġija hekk kif hemm imsemmi wkoll it-turiżmu sportiv.
L-istrateġija nazzjonali mnedja qalb l-isportivi li dehru għatxana biex ikomplu jiksbu iżjed f’dan il-qasam tieħu ħsieb ukoll li jkun hemm inċentivi għall-isportivi biex jaħdmu full time u anki għajnuna lill-assoċjazzjonijiet sportivi.
L-istrateġija tħares ukoll lejn l-integrità fl-isport fejn se jitwaqqaf dipartiment għall-integrità fl-isport li b’mod awtonomu se jħaddem leġislazzjoni li għaddiet riċentament dwar l-integrità fl-isport.
Tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-qasam Sportiv Clifton Grima li saħaq kif illum qed niżirgħu ż-żerriegħa biex naraw titjib qawwi fl-isport.
“Illum qed inkunu iżjed ambizzjużi permezz ta’ strateġija li għandha viżjoni li twassalna mhux għal riżultat tajbin li jiġu fula f’qargħa iżda li jkunu b’mod konsistenti”, qal is-Segretarju Parlamentari.
Huwa semma wkoll il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-2023 li se jiġu organizzati f’pajjiżna.
Hawnhek Clifton Grima kien ċar, “Dakinhar irridu niksbu l-midalji f’kull dixxiplina sportiva.”
Huwa temm isemmi l-ambaxxaturi sportivi Maltin u qal li bħala pajjiż irridu nkunu warajhom u ntuwhom is-sostenn tagħna.