“Strateġija bżonnjuża, importanti u li se tkompli tixpruna lill-Għawdex u lill-Għawdxin.”
Hekk ġiet deskritta l-istrateġija għall-iżvilupp reġjonali ta’ Għawdex u li għandha l-għan li tkompli tippreserva l-identità u l-karatteristiċi ta’ din il-gżira tal-villaġġi.
Fl-ewwel intervent, ftit mumenti wara li ġie mniedi d-dokument bi tmien prijoritajiet, tkellem Godfrey Swain, iċ-Chairman tal-Forum Għal Għawdex u li fih jiġbor l-għaqdiet ambentali Din L-Art Ħelwa Għawdex, Għawdex u Wirt Għawdex, il-Kamra Għawdxija tal-Kummerċ, l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, il-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex u l-Gozo University Group, il-GUG.
Huwa ddeskriva din l-istrateġija bħala kruċjali u li twitti t-triq ‘il quddiem għal inizjattivi sbieħ għal Għawdex.
Stqarr, “Il-preżentazzjoni tal-lum u l-istrateġija l-ġdida kulħadd se jaqbel magħha, bla dubju. Hemm affarijiet u għanijiet sbieħ, bit-tlieta prinċipali huma l-użu tal-art, it-tkabbir ekonomiku u nisperaw li dan kollu jiġi implimentat.”
Warajh tkellem il-President tal-Kunsill tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex Joseph Borg, li tenna l-konsultazzjoni b’saħħitha li kien hemm bejn l-imsieħba soċjali u l-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela.
Qal, “Nista’ nikkonferma li l-entitajiet Għawdxin ġew ikkonsultati fit-tul dwar din l-istrateġija u għalhekk il-viżjoni li qed tiġi ppreżentata hija viżjoni li kellna l-kontribut tagħna fiha u għalhekk ma nistgħux ma nappoġjawiex.”
Joseph Borg laqa’ wkoll il-pjanijiet biex Għawdex ikun l-ewwel parti tal-pajjiż li jkun carbon neutral, b’inċentivi għall-promozzjoni ta’ green buildings, l-elettrifikazzjoni tat-trasport, konnettività b’saħħitha u spazji miftuħa. Huwa semma l-importanza ta’ konnettività b’saħħitha għall-Għawdxin u anke li f’Għawdex jibqgħu jinħolqu xogħlijiet ta’ kwalità.
Għamlet l-intervent tagħha wkoll Lara Calleja, atleta żagħżugħa tal-isparar u li kisbet bosta unuri għaliha u għal Għawdex fil-logħob ta’ Guernsey u li sar f’Lulju li għadda.
Hija nnutat l-impenn tal-Gvern sabiex ikompli jsaħħaħ il-faċilitajiet sportivi fil-gżira Għawdxija u li permezz ta’ dan l-investiment multi miljunarju se jkompli jgħolli l-livell sportiv.
Qalet, “It-tlestija taċ-ċentru akkwatiku u dak sportiv ġewwa r-Rabat se jkompli jgħinna lilna bħala atleti, però ma nieqfux hemm. Hemm il-faċilitajiet tal-Korsa ta’ Xħajma kif ukoll ix-shooting rage taż-Żebbuġ u dawn jiġu modernizzati. Bħala atleta din il-viżjoni bħal din ittini saħħa akbar bħala atleta.”
Kull min għamel l-intervent qal kif issa jħares ‘il quddiem sabiex dak li hemm miktub fl-istrateġija jibda jiġi implimentati fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.