Tnediet l-istrateġija għall-iskart tal-kostruzzjoni u t-twaqqigħ tal-bini sas-sena elfejn u tletin, bil-għan li twitti t-triq ’il quddiem fil-qasam, fejn se jiżdied it-trattament b’mod intelliġenti ta’ dan l-iskart.
F’konferenza tal-aħbarijiet is-Sibt filgħodu, ġew ippreżentati ħmistax-il miżura xprunati minn erba’ oqsma fiċ-ċiklu ta’ dan l-iskart.
L-istrateġija tfasslet b’ħidma konġunta bejn il-Ministeru għall-Ambjent u l-Ippjanar, u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, wara konsultazzjoni pubblika fix-xhur li għaddew.
Id-Deputat Direttur tal-ERA, Kevin Mercieca spjega kif din l-istrateġija se tmexxi bidla fil-kultura u l-attitudni għal dak li l-industrija kienet tagħmel fil-passat.
Qal, “Il-prijoritajiet ovvjament huma li nindirizzaw l-iskart li huwa ġġenerat mill-industrija b’mod ħolistiku, jiġifieri mhux qegħdin ngħidu li ħa nippruvaw naraw kif ħa nagħmlu landfilling aħjar, mhux kif ħa nagħmlu riċiklaġġ aħjar tiegħu biss. Però naraw l-aspetti kollha ta’ dan l-iskart u naraw kif nistgħu nindirizzawhom.”
Fost l-aktar miżuri ambizzjużi hemm it-twaqqif ta’ depożiti ta’ rkupru u ħażna ta’ rizorsi, kif ukoll twaqqif ta’ miri dwar użu mill-ġdid u riċiklaġġ tar-riżorsi.
Dawn imorru id f’id ma’ miżuri oħrajn, fosthom twaqqif ta’ qafas regolatorju ġdid, u standards għall-industrija tal-kostruzzjoni biex timxi magħhom.
Il-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar, Aaron Farrugia saħaq kif dawn huma bidliet kuraġġużi iżda bżonnjużi li għal numru ta’ snin intefgħu taħt it-tapit.
Innota t-tkabbir tal-industrija tal-kostruzzjoni, li l-iskart iġġenerat minnha jlaħħaq mat-tmenin fil-mija tal-iskart iġġenerat fil-pajjiż.
Spjega, “Allura ħabbarna din l-istrateġija li hija waħda ħolistika li tmiss ma’ ħmistax-il miżura biex b’hekk nistgħu nibdew nippreparaw għall-mudell ġdid li jmiss mar-Reduce, Reuse u Recycle. Issa ukoll fil-qasam tal-iskart ta’ kostruzzjoni.”