Ġie mniedi l-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika Nazzjonali ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla sal-2030.
Fl-2022, l-Awtorità għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla kienet nediet din l-istrateġija għall-konsultazzjoni pubblika u issa se timxi id f’id mal-Istrateġija nazzjonali għall-Edukazzjoni, li tħabbret f’Mejju li għadda.
Kienet il-Kap Eżekuttiv tal-istess awtorità, Rose Anne Cuschieri, li ħabbret il-punti ewlenin ta’ x’tiġbor fiha din l-istrateġija kruċjali, waqt li f’kummenti ma’ ONE NEWS spjegat l-importanza ta’ dan id-dokument.
Qalet, “Miri ta’ kwalità, miri ta’ edukazzjoni, imma l-importanza l-kwalità u l-aċċessibilità li kull bniedem, kull student, hi x’inhi l-età jew livell ekonomiku jkunu jistgħu jkomplu jistudjaw.”
Il-Ministru responsabbli mill-edukazzjoni, Clifton Grima, saħaq kif il-Gvern hu impenjat li jkompli jaħdem biex jipprovdi aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità li tkun disponibbli għal kulħadd.
Qal, “Dan is-settur partikolari tal-edukazzjoni hu kruċjali biex pajjiżna jibqa’ jattira aktar istituzzjonijiet ta’ kwalità ħalli pajjiżna jibqa’ joffri aktar opportunitajiet lill-istudenti li huma ta’ kwalità u jħarsu lejn taħriġ kontinwu, lejn kwalifiċi anke ġodda, li l-għan tagħhom hu li jkun ta’ livell għoli.”
Il-Ministru tenna kif, meta jkollok edukazzjoni aktar ekwa u ogħla, tiżgura li kulħadd, irrispettivament mill-fatturi soċjo-ekonomiċi, ikollu opportunità ugwali għal edukazzjoni li twasslu biex jirnexxi kemm personalment kif ukoll fuq livell nazzjonali.
Hu kkonkluda billi qal li edukazzjoni ta’ kwalità ogħla sservi biex tkompli tagħmel lis-soċjetà moderna tagħna aktar rikka b’diversi modi.