Ir-reġistru tan-Negozji ħabbar pjan strateġiku estensiv għall-ħames snin li ġejjin.
Dan sar waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-uffiċini l-ġodda ta’ din l-entità fiż-Żejtun wara li sentejn ilu nfatmet minn mal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji.
Dan il-pjan bit-tema Niddefinixxu t-triq ‘il quddiem huwa msejjes fuq erba’ pilastri – internazzjonalizzazzjoni, teknoloġija informatika, tibdil tal-għanijiet u għarfien.
Dwar dan ONE News tkellem mal-Kap tal-Operat fi ħdan ir-reġistru Malti għan-Negozji, is-Sur Kenneth Brincat.
Huwa spjegalna: “Ħa jkollna espansjoni fis-servizzi tagħna. Dan jinkludi l-business register li fih ħa nibdew nilqgħu mhux biss reġistrazzjoni ta’ kumpaniji imma anke self-employed u r-raba’ pilastru huwa technological developments fejn it-teknolġija fid-dinja tal-lum hija importanti u hija għodda li tgħin kemm lilna bħala Malta Business Registry u lill-klijenti tagħna biex ikun hemm servizz ta’ eċċellenza.”
Preżenti għal din il-konferenza attenda l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri hekk kif saħaq dwar l-importanza ta’ strateġija konkreta li ssarraf f’viżjoni għall-futur.
Il-Ministru Schembri sostna wkoll kif intlaħqu r-rikjesti kollha mir-rapport tal-MoneyVal fir-rigward tar-Reġistru Malti għan-Negozji.
Huwa qal: “Illum nista’ ngħid li fejn jidħol ir-rapport tal-MoneyVal, ir-recomendations tal-Council of Europe u dak kollu li kien rikjest minn naħa tal-Malta Business Registry lħaqniehom kollha u fil-fatt anke ppreżentajna l-istrateġija fejn anke hemm mod ċar kif diġà lħaqna ċertu targets u anke qed nilħquhom b’targets li jmorru lil hinn minn dak rikjest minnha imma anke ħalli jkollna dak il-competitive edge fuq business registries Ewropej oħrajn.”